L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Kelma ta’ Ġesù hi ċara ħafna. Anke l-parabbola li jagħtina llum hi parabbola qawwija u għażiża. Aħna min jaf kemm-il darba, kuljum, għandna bżonn nitolbu maħfra lil Alla ta’ xi nuqqas, ta’ xi dnub, ta’ xi falliment, ta’ xi kattiverja. Imbagħad insibuha bit-tqila, li dak li Alla jagħmel magħna, nagħmluh ma’ ħaddieħor. Għalhekk il-Mulej, fit-talba li għallimna, għallimna nitolbu hekk: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil minn hu ħati għalina” (Mt 6:12). Issa wieħed jista’ jgħid: ‘imma jiena diffiċli biex naħfer’. Veru diffiċli taħfer, b’mod speċjali meta l-weġgħa tibqa’ hemmhekk, l-inġustizzja li tkun saritlek, ikollok l-effetti tagħha. Immaġinaw lil xi ħadd, ikun għaddej fit-triq, itajru xi ħadd u jibqa’ għaddej; u dan jibqa’ għomru jbati l-konsegwenzi ta’ din il-ħaġa li għamel xi ħaddieħor. Tiġi li tgħid: ‘Ma naħfirlux, jew ma naħfrilha, ma nafx min hu jew min hi, qatt. Allura mbagħad il-pjaga, mhux biss fiżika, imma psikoloġika tikber. Imma nifhem, li diffiċli f’ċertu ċirkostanzi li taħfer. Immaġinaw dawn il-vittmi kollha innoċenti tal-kunflitt u l-invażjoni krudila fl-Ukrajna. Min se jsabbarhom lill-ommijiet, lill-missirijiet, lill-aħwa, li tilfu lil uliedhom, lil xi ħadd għażiż? X’sens jagħmel id-diskors fuq il-maħfra, meta tara tant inġustizzji kbar, tant kefrija?

F’dawn il-mumenti tajjeb li nduru lejn il-Mulej, u ngħidulu kif qed inħossuna. Ngħidulu: ‘Mulej, aħna nifhmu x’qed tgħid, imma dgħajfin’. Il-qaddisin jgħallmuna, li, anke jekk ma tistax taħfirlu dak il-ħin lill-proxxmu, itlob lil Alla jagħtik ix-xewqa li taħfirlu. Tgħidlu: ‘Mulej, jien kif narah insir dimonju; imma agħtini x-xewqa li nkun nista’ naħfirlu. Dik ukoll issalvak. Tgħidli: ‘lanqas dik ma għandi jien, ix-xewqa li naħfirlu, mela le!’ Allura itlob ix-xewqa li tiġik ix-xewqa. Veru, ħafna drabi, lanqas dik ix-xewqa ma jkollna. Niftakru f’xi ħadd li għamlilna d-deni, ‘X’nixtieq li naħfirlu, mela le!’ Itlob il-grazzja li tixtieq li taqla’ din ix-xewqa. Ix-xewqa li tkun tixtieq tista’ taħfer lil dak li jkun.

Il-qaddisin jgħallmuna, li, anke jekk ma tistax taħfirlu dak il-ħin lill-proxxmu, itlob lil Alla jagħtik ix-xewqa li taħfirlu

Imma ma ninsewx il-kliem ċar ta’ Ġesù, għax jitkejjel lilna, meta jasal il-mument tal-verità, kif inkejlu ma’ xulxin. Qalha wkoll Ġesù, din il-kelma. “Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom” (Mt 18:35). X’għamel? “Saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kulma kellu jagħti” (Mt 18:34).

Mentri l-ħniena tal-Mulej hi ħafna iżjed ġeneruża minn dak li aħna nippretendu. Fil-parabbola li jagħtina Ġesù, dak li kellu jagħti ħafna: “għaxart elef talent” (Mt 18:24), somma enormi, kważi impossibli tħallasha. X’talbu? “Sinjur, stabar ftit bija; kollox inroddlok” (Mt 18:26). Is-sid mar lil hinn minn din it-talba: “Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu” (Mt 18:27). Ma qallux, ‘ok, nagħtik naqra ċans’. Le! Ħafirlu d-dejn. Ħareġ minn quddiem is-sid, m’għandu jagħti xejn. Imbagħad jiltaqa’ ma sieħbu u jinsa t-talba li kien għamel ftit qabel lis-sultan. Kemm jiġrilna hekk ħafna drabi. “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil minn hu ħati għalina” (Mt 6:12).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Dan 3:25,34-43
Salm: 24 (25):4bċ-5ab,6-7bċ,8-9
L-Evanġelju: Mt 18:21-35