• ****

    Direttur:          Rupert Goold

    Atturi:              Renèe Zellweger, Finn Wittrock, Jessie Buckley, Rufus Sewell, Michael Gambon, Richard Cordery, Bella Ramsey, Royce Pierreson u Arthur McBain

    Ħin Tal-Film:   118min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    Judy Garland, twieldet fl-10 ta’ Ġunju 1922, bl-isem ta’ Frances Ethel Gumm. Mill-bidu nett, hi wriet talent eċċezzjonali  bħala kantanta u attrici. Bħala żagħżugħa rċeviet Academy Award, Golden Globe Award u Special Tony Award. Fl-1961, kienet l-ewwel mara li rebħet l-unur ta’ Grammy Award għal Album tas-Sena meta rrekordjat ġewwa Carnegie Hall. Bħala teenager, bdiet il-karriera tagħha ma’ żewġ ħutha bniet u fi ftit żmien, iffirmat mal-Metro-Goldwyn-Mayer. Judy baqgħet magħrufa l-aktar għall-parti li ħadmet fis-sena 1939 fil-film: The Wizard of Oz fil-karattru ta’ Dorothy Gale. Ħadmet spiss ma’ Micky Rooney u Gene Kelly. Sfortunatament, wara karriera bħala attriċi għal ħmistax-il sena mal-MGM, kellha ttemm il-kuntratt li kellha minħabba problemi personali li ma għenux biex tkompli tagħti sehemha fil-films. Iżda Judy baqgħet tibbrilla fil-karriera tagħha bħala kantanta u attriċi. Hi baqgħet magħrufa għas-sehem li tat fid-dinja tal-ispettaklu u wara mewta ġiet imfakkra meta rebħet il-Grammy Lifetime Achievement Award.

    Il-film Judy, jeħodna fix-xitwa tas-sena 1968 meta Judy tasal ġewwa Londra biex għal ħames ġimgħat sħaħ tagħti kunċerti li, bil-wisq qabel, il-biljetti għad-dħul kienu nbiegħu kollha. Judy Garland rebħet il-qlub tal-poplu Ingliż bil-wisq qabel għall-ħiliet tagħha. Għalkemm iż-żmien kien qiegħed jagħmel tiegħu, it-talenti li kellha ma naqsu qatt. Sfortunatament iżda, Judy kellha numru ta’ problemi li kellha tħabbat wiċċha magħhom fosthom il-problema taż-żewġ itfal li kellha mir-raba’ raġel u li dan offra oppożizzjoni qawwija biex il-kustodja tagħhom iżżommha hu. Din il-problema ma għenitx lil Judy u spiċċat tieħu l-pilloli biex tikkalma barra wkoll li nfexxiet fix-xorb. Hi kellha wkoll taċċetta l-programm kollu mħejji ghaliha mill-manager taghħa għal żjara ġewwa Londra. Judy ma naqsitx ukoll li tibda relazzjoni romantika ma’ Mickey Deans li ftit wara kellu jsir il-ħames raġel tagħha. X’jiġri fl-aħħar taż-żjara tagħha ġewwa Londra?

    Film Brittaniku – Amerikan, bijografija taż-żjara li Judy Garland għamlet ġewwa Londra fl-aħħar snin tal-karriera tagħha. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Rupert Goold, adattat minn dramm bl-isem ‘End of the Rainbow’ ta’ Peter Quilter. Dawk li jiftakru din il-kantanta u attrici għandhom jieħdu pjaċir bil-film. Minħabba xi xeni ta’ abbuż mill-alkoħol kif ukoll ta’ droga, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax -il sena.