Nhar il-Ħadd, 25 ta’ Ottubru 2009 jiġi ċċelebrat JUM IL-BIBBJA fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u fid-Djoċesi ta’ Għawdex.  It-tema magħżula għal din is-sena hi “Il-Kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb”, silta meħuda mill-Ittra lil-Lhud.

F’messaġġi li stampat biex jitqassmu fid-djar, fl-iskejjel u fil-parroċċi, l-Għaqda Biblika Maltija spjegat li din it-tema hi stedina biex aħna l-insara nħallu l-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja taħdem f’ħajjitna.  Dan nistgħu nagħmluh biss billi naqraw il-Bibbja b’mod regolari u b’fedeltà lejn il-messaġġ li trid twasslilna.

Għal din l-okkażjoni l-Għaqda Biblika stampat u qassmet fl-iskejjel 8,000 ktieb bil-kulur lill-istudenti tal-iskejjel primarji li jattendu l-klassijiet 5, 6, u 7.   Hu ktieb bi storja vera ta’ tifla ta’ 9 snin minn Wales li għexet fl-1792 u li permezz tagħha beda l-Moviment Bibliku li llum hu mifrux f’200 pajjiż fid-dinja.

Stampat ukoll stejjer vera li qed jgħaddu minnhom tfal fin-Nikaragwa fejn hu stmat li 30 fil-mija tal-popolazzjoni tat-tfal li tlaħħaq il-1.7 miljun huma tfal ħaddiema, tallaba jew involuti f’attivitajiet kriminali.  Bis-saħħa tax-xogħol tal-Għaqdiet Bibliċi dawn it-tfal qed jittieħdu mit-toroq u jintbagħtu l-iskola filwaqt li jkunu protetti mill-periklu.  Bis-saħħa tal-messaġġ tal-Bibbja dawn it-tfal qed jerġgħu jsibu skop f’ħajjithom għax jiltaqgħu ma’ Alla u jiksbu lura d-dinjità tagħhom.

Realtà oħra hi dik ta’ min qed jiġi maqtul għaliex jippriedka l-Kelma ta’  Alla u jqassam il-Bibbja.  Ri Hyon-ok hi mara Ċiniża ta’ 33 sena li nqatlet fis-16 ta’ Ġunju li għadda għaliex kienet qed tqassam il-Bibbja.  Żewġha w uliedha ttieħdu f’kamp ta’ detenzjoni f’belt viċin il-fruntiera Ċiniża.  Dawn huma l-martri ta’ żmienna.

Din ir-realtà f’pajjiżna ma teżistix, anzi bħala nsara maltin aħna mfisdin ħafna.  Biżżejjed ngħidu li fid-dinja hawn 6,000 lingwa li 3,000 minnhom għad m’għandhomx anqas kelma waħda tal-Bibbja tradotta fl-ilsien li bih jitkellmu.  Fid-dinja hawn ukoll 6 biljun persuna li 3 biljun minnhom għad m’għandhomx kopja tal-Bibbja.   Malta pajjiż żgħir u bil-lingwa tiegħu, u  ilna ngawdu l-Bibbja fl-ilsien tagħna għal snin twal.

L-Għaqda Biblika tħeġġeġ lill-insara Maltin u Għawdxin biex jingħaqdu fl-evanġelizzazzjoni li kull nisrani hu msejjaħ li jagħmel.  Qabel kollox bit-talb għall-ħidma madwar id-dinja li ssir favur il-Kelma ta’ Alla u wkoll billi jgħinu lill-Għaqda Biblika finanzjarjament biex il-popli li m’għandhomx il-Bibbja jista’ jkollhom traduzzjoni għalihom.

Se ssir ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, b’kant u qari mill-Bibbja nhar is-Sibt, 24 ta’ Ottubru 2009 bejn is-6.00 u s-7.00pm, fil-Knisja St Andrew’s Scots Church, South Street, Valletta – kulħadd mistieden biex jattendi.

Min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jikkuntattja lill-Għaqda Biblika Maltija, Dar il-Bibbja, 62 Triq il-Miratur,  Floriana, telefon 21220318 bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mid-0900 sas-1300 u mis-1400 sal-1700; email: [email protected]