Archbishop stresses need to often refer to values that emerge from Truth – Our Lady of Victories

9/9/2009

DISKORS TAL-ARĊISQOF WAQT IL-PONTIFIKAL TA’ JUM IL-VITORJA – 8 ta’ Settembru, 2009

Eċċellenza, Sur President ta’ Malta, u Sinjura Abela,

Ħuti.

F’dan il-jum aħna, il-Poplu ta’ dawn il-gżejjer ta’ Malta u Għawdex, qegħdin niċċelebraw il-Festa tat-Twelid ta’ Sidtna Marija, u magħha, qegħdin nirringrazzjaw lil Alla għaliex f’dan il-Jum li huwa reliġjożament għażiż, il-Poplu Malti ra il-ħelsien tiegħu wara żmien ta’ tbatija fl-Assedju l-Kbir, u fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Bħala bnedmin, aħna għandna bzonn li anki dak li hu soprannaturali inġibuh qrib għar-realta’ umana u temporali tagħna billi niftakru fih u niċċelebrawh f’data partikulari. Għalhekk niċċelebraw il-misteri tal-Fidi tagħna f’Jiem partikulari.

U bħala Poplu li jemmen, aħna ninterpretaw it-temporalita’ tagħna fid-dawl tal-imħabba ta’ Alla l-Imbierek, li nemmnu li hu nteressat fina u jidħol fl-istorja tagħna, bħalma daħal fl-istorja umana meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem. Għalhekk illum qegħdin nirringrazzjaw lil Alla fit-tifkira ta’ dawn il-ġrajjiet.

Dan kollu juru l-orjentazzjoni kristjana permezz tal-Knisja Kattolika ta’ dawk li ġew qabilna u li aħna llum qegħdin inġeddu b’din il-Quddiesa, flimkien maċ-ċelebrazzjoni ċivili ta’ dawn il-ġrajjiet.

Dan kollu ifisser li dawk li ġew qabilna, u aħna, qegħdin niċċebraw din il-Festa għaliex l-avvenimenti qegħdin ngħaqqduhom ma’ viżjoni u nterpretazzjoni tar-Realta’ ta’ dak li nemmnu li hi l-Verita’. L-għaqda tar-realta’ ma’ viżjoni tal-Verita’ jagħti kontinwita’ liż-żmien li l-ebda relativiżmu ma jista’ jagħti għaliex dan jagħlaq lill-persuni fil-mumenti preżenti. L-ebda reazzjoni purament relativa ma tista’ qatt tiġi ċelebrata, għaliex ma tgħaqqadx il-preżent la mill-imgħoddi – għax mhux kontinwazzjoni tiegħu, iżda ġie sorpassat – u lanqas

mal-ġejjieni għax ma jippretendix li bħala valur għandu d-dritt li jiġu mgħoddi f’sitwazzjoni differenti. Aħna llum nistgħu ngawdu minn viżjoni kristjana għaliex għal elfejn sena it-tagħlim ta’ Sidna Ġesu’ Kristu kif kien imħares fil-Knisja Kattolika ma kienx soġġett għal bidliet li ġabu kulturi differenti li mbagħad għaddew.

Il-Verita’

Il-Papa Benedittu XVI fl-Introduzzjoni tal-Enċiklika tiegħu, CARITAS IN VERITATE (29 ta’ Ġunju, 2009 ) jagħmel xi riflessjonijiet fuq il-bżonn li norbtu il-ħidma tagħna kollha ma’ viżjoni ċara tal-Verita’ biex tkun il-qafas ta’ kull soċjeta’.

Il-Papa qiegħed jgħidilna li “Il-verita tippreserva u tesprimi il-qawwa tal-karita’ biex teħles (lill-bniedem) fil-ġrajjiet tal-istorja li dejjem jinbidlu… Mingħajr il-verita’, mingħajr fiduċja u imħabba għal dak li hu veru, mhemmx kuxjenza soċjali u responsabbilta’, u l-azzjoni soċjali tispiċċa sservi interessi privati u l-loġika tal-poter, li jirriżulta fi tkissir soċjali” (n.5).

Il-Papa iħeġġeġ biex dan it-tiftix għall-verita’ jiftah orizzonti biex is-soċjeta’ kollha, forsi l-iktar dawk li jmexxu, biex jagħmluha bażi ta’ diskussjoni tagħhom: “Il-verita, fil-fatt, hija ‘logos’ (‘kelma’) li toħloq ‘dia-logos’(‘djalogu’), u għalhekk komunikazzjoni u komunjoni” (n.4).

Il-Papa jagħmel appell lill-bnedmin kollha: “Li tiddefendi il-Verita’, li tfissirha bl-umilta’ u l-konvinzjoni, u li tagħti xhieda tagħha fil-ħajja huma għalhekk forom ta’ karita’ li jitolbu ħafna minna, u huma ndispensabbli” (1).

Iktar direttament l-Enċiklika tagħmel appell lill-insara biex jgħaqqdu t-twemmin tagħhom mal-karita’ u jagħmluh mod kif jeżerċitaw il-missjoni tagħhom fis-soċjeta’: “Kull nisrani huwa msejjah biex jipprattika din il-karita’, b’mod li tikkkorispondi għas-sejħa tiegħu, u skond il-kejl ta’ influwenza li jeżerċita fil-polis. Din hija t-triq istituzzjonali – nistgħu nsejħulha anki it-triq politika – tal-karita’, mhux inqas eċċellenti u effettiva minn dak it-tip ta’ karita’ li tiltaqa’ direttament mal-ġar, barra l-medjazzjoni istituzzjonali tal-polis” (7).

“Il-Knisja m’għandix soluzzjonijiet tekniċi x’toffri (Gaudium et Spes, n. 36), u ma tippretendix ‘li tindaħal bl-ebda mod fil-politika tal-Istati’ (Populorum Progressio, n.13). Iżda hi għandha missjoni tal-verita’ xi twettaq”. “Mingħajr il-verita’, huwa faċli li taqa’ f’viżjoni ta’ ħajja emprika u xettika, li ma tkunx possibbli li togħla għal-livell ta’ prassi minħabba nuqqas ta’ nteress biex taħtaf il-valuri – kultant anki t-tifsira – li biha tista’ tiġġudikaha u tidderiġiha” (n.9).

Sejħa

Jiena nixtieq li nagħmel appell biex dejjem iktar isiru referenzi għall-valuri li joħorġu mill-Verita’ li għandha tkun il-qafas tas-soċjeta’ tagħna. Fil-każ tal-pajjiż tagħna, il-Verita’ li ġabilna il-Mulej Ġesu’ kienet il-qafas tal-verita’ li mexxa il-Poplu tagħna. Hemm bżonn li jkollna orjentament komuni ta’ dak li jikkostitwixxi l-verita’, għax inkella jimtela b’influwenzi

oħrajn differenti. Ħsieb komuni u ċar tal-Verita’ jippermetti lil kull wieħed u waħda minna biex ikollu kriterju ma’ xhiex jipparaguna l-għemil tiegħu u jidħol fi djalogu ma’ oħrajn.

Meta ssawret il-Kostituzzjoni tal-Istat tagħna il-Poplu Malti għażel ir-Reliġjon Kattolka biex tkun ir-Reliġjon tal-Istat tiegħu, u l-kriterju tal-Verita’ wara s-soċjeta’ tal-gżejjer tagħna. Forsi dak iż-żmien konna iktar qed nifhmu l-aspett reliġjuż f’dik il-għażla. Nistgħu illum nifhmu kemm kienet għaqlija dik id-deċiżjoni għaliex magħħa ġabitilna dawk il-valuri kristjani li kapaċi jibnu soċjeta’ ġusta: onesta’, solidarjeta’, sens ta’ komunita’ eċċ.

Il-Knisja trid twassal iktar bil-qawwa l-messaġġ li nisrani sħiħ huwa dak li mal-prattika tar-reliġjon jorbot il-valuri nsara f’kull post fejn jgħix għall-ġid tas-soċjeta’ tagħna. L-istat irid jara u jivvaluta iktar jekk għandux jimla iktar il-vojt li jħalli ċertu relativiżmu tal-kultura ta’ llum bil-valuri li joħorġu mill-kuntest kristjan.

Nibża’ li nitkellmu ħafna fuq l-iżvilupp materjali u ekonomiku fis-soċjeta’ tagħna u sewwa nagħmlu, iżda ftit nitkellmu fuq dawn il-valuri umani ta’ lealta’, rispett, solidarjeta’, u dak li jfixkilhom: egojiżmu, suppervja, regħba, abbuż ta’ poter. Fid-dinja finanzjarja qatt jew ftit ma kien hemm diskors fuq l-etika u l-mode of conduct qabel ma faqqgħet il-kriżi finanzjarja. Wara, diversi bdew jitkellmu fuq il-bżonn ta’ iktar valuri etiċi fid-dinja finanzjarja.

Anki fis-soċjeta’ tagħna, naħseb li hemm sinjali biżżejjed ċari li hemm tifrik tal-valuri morali u soċjali. Ħafna minn dak kollu li qiegħed ifixkel lis-soċjeta’ tagħna: regħba, idejat li ma jħallux lill-bniedem u l-familja l-ewwel, nuqqas ta’ rispett għall-ambjent, konflitti fi ħdan il-miżżewġin u l-familja, vjolenza, droga,alcohol, juru dan in-nuqqas ta’ orjentament etiku u soċjali fil-persuni. Il-biża hu li jiġu aċċettati bħala mod ta’ aġir u għalhekk jiġu istituzzjonalizzati. Biex ma jiġux istituzzjonalizzati, hemm bżonn viżjoni soċjali ċara li hemm it- tajjeb u l-ħażin, li hemm dak li jwassal għall-ġid tal-persuna u tas-soċjeta’, u hemm dak li jkisser dan il-ġid.

Li għandu jinkwetana mhux biss li naraw dawk l-affarijiet li tant idejquna fis-soċjeta’, iżda li dawk li jagħmluhom ma jagħmluhomx għax iħossu li qed imorru kontra valur, iżda li jagħmluhom għaliex mhemmx kriterju f’mohhhom li bihom iħossu l-ħażin li jkunu għamlu. Li tonqos hija kriterju morali u etiku, fibra morali u jiena wisq nibża’ li huwa dan li mhux qed ngħaddulhom. Dan jgħodd għall-eċċessi tagħna li forsi jidhru iktar fid-dinja taż-żgħażagħ tagħna fl-imġieba, fil-alkoħol, fl-għemil sesswali bla responsabbilta’ fuq l-effetti magħquda miegħu, fid-drogi, iżda jgħodd ukoll għal eżempji ta’ nuqqas ta’ ġustizzja li aħna naraw fis-soċjeta’ tagħna: kultura ta’ serq, korruzzjoni, regħba li kapaċi tgħaffeġ lill-persuni biex tiġi tintlaħaq. Jekk ma nitkellmux iktar fuq il-moralita’ tal-għemejjel tagħna, ikun hemm il-periklu li iktar u iktar jiġi diffus, u iktar ma jiġi diffus, iktar ikun hemm il-periklu li jidħol fl-istituzzjonijiet tagħna u ssir istituzzjonalizzata u mod ta’ ħajja.

Konklużjoni

Nixtieq li l-aħħar riflessjoni nagħmilha mill-esperjenza tal-Mulej Ġesu’. Hu ntbagħat minn Alla l-Missier biex iġedded lid-dinja. Sakemm kien fostna hu ma ppruvax ibiddel l-Istrutturi Soċjali ta’ dak iż-żmien. Hu ġie biex iġedded lill-bnedmin, dawk li emmnu fih, biex imbagħad ikunu huma li jbiddlu l-istrutturi bil-valuri li hu jkun għallimhom. Ħafna drabi id-diskors tagħna jkun fuq strutturi, u ġustament, u l-bdil strutturali tagħhom bħala qafas. U f’dan id-dawl qiegħed ikun hemm, ġustament, insistenza fuq il-taħriġ professjonali tal-membri ta’ dawn l-istrutturi. Il-messaġġ li xtaqt li naqsam magħkom hu li kull wieħed u waħda minna ninsistu iktar fuq it-tħejjija etika tal-persuni li jagħmlu l-istrutturi llum u għada. Nistgħu nagħtu iktar impenn kif se jkollna bennejja ta’ strutturi – minn familja sa stat – li jkunu immexxija b’valuri u b’kuxjenza li jibnuhom b’mod li tgawdi s-soċjeta’ minnhom?

Nistgħu nħobbu daqshekk lill-membri tas-soċjeta’ tagħna li flimkien mal-imħabba nagħtuhom ukoll il-verita’ u l-valuri?

Download PDF