Impressjoni artistika tal-iżvilupp propost f’Ħal Ferħ

Għandna nkunu sorpriżi li l‑ambjent naturali u urban tal‑Gżejjer Maltin mar lura? Ir‑risposta sempliċi hija ‘le’. Kulħadd għandu sehem x’jagħti biex ikun salvat dak li għad baqa’ mill‑patrimonju nazzjonali. Madanakollu, il‑Gvern iġorr l‑ikbar responsabbiltà minħabba li għandu sehem ewlieni u deċiżiv fit‑tfassil u l‑implimentazzjoni ta’ kull policy. Dan li ġej huwa sommarju tar‑rakkomandazzjonijiet u osservazzjonijiet li l‑Kummissjoni Ambjent (KA) għamlet bħala parti mill‑konsultazzjoni pubblika għall‑Baġit 2022 biex jiġi indirizzat it-tkerrih tal‑pajjiż li l‑baġit jirreferi għaliha id‑dokument ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il‑baġit.

  • Għandha tiġi pubblikata il‑policy riveduta ‘Rural Policy and Design Guidance 2014’. Din il‑policy ippermettiet li jinbnew vilel u pixxini flok il‑munzelli ta’ terrapien li kien hemm fil‑kampanja. Wieħed jittama li l‑policy riveduta tipproteġi l‑kampanja Maltija u l‑bżonnijiet ġenwini tal‑bdiewa u r‑raħħala. Dak li jissejjaħ bħala ‘green planning’ m’għandux jiġi qabel l‑ippjanar effettiv li jipproteġi l‑ispazji ħodor eżistenti, jiġifieri l‑kampanja mhux mittiefsa li l‑pajjiż għadu jgawdi.
  • Għandu jitħares l‑għajxien tal‑bdiewa u ż‑żgħażagħ għandhom ikunu mħeġġa jħaddnu biedja intraprenditorjali. Dan billi l‑art agrikola tingħata status ta’ protezzjoni speċjali bħala riżorsa strateġika tal‑pajjiż. Il‑KA taqsam it‑tħassib tal‑bdiewa Maltin li qed jitkeċċew mill‑art li ilhom jaħdmu għal ġenerazzjonijiet sħaħ, wara deċiżjoni riċenti tal‑Qorti. Il‑pajjiż ma jistax jitlef iktar art agrikola minn dik li diġà tilef għall‑iżvilupp bħalma ġara fl‑aħħar għexieren ta’ snin.
  • Għandu jiġi żgurat li l‑pajjiż jibbenifika minn tfassil u infurzar ta’ pjani ta’ żvilupp, u minn policies ambjentali u tal‑ippjanar li jkunu rigorużi, ċari u li ma jagħtux lok għal abbuż. Il‑pjani lokali għandhom jiġu riveduti fl‑intier tagħhom u mhux ikomplu jiġu riveduti gradwalment. Il‑liġi sussidjarja magħrufa bħala ‘Development Notification Order’(DNO)’ għandha tiġi riveduta biex ma tibqax strument legali li tippermetti l‑entitajiet tal‑Gvern jevitaw milli jgħaddu minn proċess sħiġ ta’ żvilupp. sottomessi għall‑proċess sħiħ tal‑ippjanar.
  • L‑irdumijiet (jew kif inhuma magħrufa f’Għawdex bħala ‘is‑sisien’) għandhom ikunu protetti permezz ta’ reviżjoni tad‑‘Development Policy and Design Guidance’. Din il‑policy, wara li ġiet riveduta fl‑2015, għal darb’oħra hi l‑kawża għaliex qed jiġu sfreġjati s‑sisien. Dan minħabba l‑bini b’ħafna sulari li tiela’ u li qed jeqred il‑veġetazzjoni u t‑topografija antika tal‑għoljiet f’Għawdex, bħalma kien ġara fis‑snin tmenin u disgħin.
  • It‑trasparenza għandha tkun pilastru ewlieni fil‑ġustifikazzjoni tal‑bidliet fil‑policies. Kull darba li qed tiġi riveduta policy, qed ikun hemm nuqqas kbir ta’ informazzjoni li tissostanzja t‑tibdil tal‑policy. Din il‑prattika qed twassal biex l‑istakeholders jemmnu li r‑riżultat tal‑proċess tar‑reviżjoni tal‑policy huwa determinat minn qabel.
  • L‑Awtorità tal‑Ippjanar għandha ssaħħaħ il‑funzjoni fundamentali tagħha, jiġifieri dik li tippjana. Il‑KA ma tistax tifhem kif l‑awtoritajiet għażlu li joħorġu sejħa għall‑offerti għal studji dwar ix‑xejriet demografiċi, l‑impjiegi u l‑housing għar‑Reviżjoni tal‑Pjan Strateġiku għall‑Ambjent u l‑Iżvilupp (SPED). Għalfejn l‑Awtorità tal‑Ippjanar waslet fl‑istat fejn mhix kapaċi twettaq hi stess dawn l‑istudji meta dawn huma fil‑qalba tal‑eżistenza tagħha?
  • Għandu jsir studju nazzjonali dwar id‑domanda u l‑provvista tal‑propjetà fil‑Gżejjer Maltin li jkun jista’ jinforma lill‑proċess tal‑ippjanar. Il‑KA ilha għal dawn l‑aħħar sitt snin tinsisti mal‑awtoritajiet dwar il‑bżonn ta’ dan l‑istudju.
  • Il‑Gvern m’għandux ikompli jbiddel konċessjonijiet ta’ art minn użu turistiku għal użu ieħor sabiex ma jkunx hemm bejgħ ta’ propjetà għal skopijiet residenzjali. Konċessjonijiet ta’ art pubblika li oriġinarjament ikunu ngħataw għal proġetti turistiċi, b’mod speċjali f’żoni protetti u panoramiċi, l‑użu tal‑art ma jistax jinbidel għal wieħed residenzjali (bħalma huma Ħal Ferħ u Kemmuna). Art bħal din ġiet issagrifikata sabiex issaħħaħ l‑industrija tat‑turiżmu. Għalhekk dan l‑użu għandu jiġi mħares. 
  • Qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar mina bejn Malta u Għawdex, għandhom jiġu implimentati proġetti oħra li jtejbu l‑konnettività bejn il‑gżejjer u min se juża dawn il‑proġetti alternattivi għandu jingħata ċ‑ċans jagħmel dan qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet dwar il‑bini tal‑mina. Il‑KA tinnota li filwaqt li l‑Gvern ħabbar li l‑istudji dwar is‑sistema tal‑metro se jkunu ppubblikati, għadha ma ġietx onorata l‑wegħda li saret snin ilu li se jkunu ppubblikati l‑istudji kollha tal‑mina. Il‑KA tistaqsi: se jkun hemm livelli differenti ta’ trasparenza bejn is‑sistema tal‑metro u l‑mina bejn Malta u Għawdex?
  • Carrying capacity għal ċerti attivitajiet. Bħalma wera l‑proġett tal‑marina f’Wied il-Għajn, il‑politiċi ma jistgħux iwiegħdu kollox lil kulħadd minkejja li din saret il‑prattika normali meta tkun qed toqrob elezzjoni ġenerali. Se naslu fi stat fejn ikollna naċċettaw li l‑pajjiż ma jistax jiflaħ li jkollu iktar postijiet ta’ rmiġġ għad‑dgħajjes. Meta uffiċċjali tal‑Gvern ma jagħtux każ u jwarrbu fil‑ġenb l‑oġġezzjonijiet tal‑pubbliku dwar proġetti proposti, huwa sinjal ta’ arroganza u nuqqas ta’ rispett lejn il‑ġid komuni pubbliku li dawn l‑uffiċjali jkunu ħalfu li jservu.   
  • L‑informazzjoni miġbura m’għandhiex tintuża ħażin biex ikunu ġustifikati ċerti proġetti infrastrutturali. Għalkemm it‑triq bejn ir‑Rabat u Marsalforn f’Għawdex għandha bżonn tiġi rranġata b’mod urġenti, l‑informazzjoni dwar it‑traffiku li nġabret fl‑eqqel tal‑istaġun turistiku f’Għawdex, jiġifieri fil‑jiem ta’ Santa Marija f’Awwissu, m’għandhiex tintuża biex tiġġustifika t‑teħid bla bżonn ta’ art li qiegħda ’l barra miż‑żona tal‑iżvilupp.
  • Bħala parti mill‑miżuri biex jittaffew l‑effetti tal‑bdil fil‑klima, il‑KA tappoġġja kull inizzjattiva għall‑ħażna tal‑ilma tax‑xorb f’eventwalità ta’ nixfa, u inizjattivi oħra ta’ ħażna qrib jew fl‑imsaġar sabiex l‑ilma jintuża f’każ ta’ nirien. Barra minn hekk, il‑KA temmen li inċentivi biex jiġi modifikat bini eżistenti u inizjattivi oħra biex b’mod sensittiv isir żvilupp mill‑ġdid ta’ ċertu binijiet, jagħtu opportunità lis‑settur tal‑kostruzzjoni biex ibiddel il‑mudell eżistenti tan‑negozju li ilu jħaddan għal żmien twil.
  • Inċentivi għat‑teleworking. It‑teleworking, minbarra li f’ħafna każijiet joffri l‑possibiltà ta’ bilanċ bejn ix‑xogħol u l‑ħajja privata tal‑ħaddiema, jista’ jwassal sabiex fil‑pajjiż ikun hawn inqas ħtieġa ta’ spazji għal uffiċċji, b’riżultat li jkun hawn inqas pressjoni fuq l‑użu tal‑art.

Bħala konklużjoni, il‑Kummissjoni Ambjent tħeġġeġ lil kulħadd biex nagħmlu eżami tal‑kuxjenza dwar jekk l‑azzjonijiet tagħna jew in‑nuqqas tagħhom humiex qed jikkontribwixxu biex iħarsu l‑ambjent naturali u dak urban tal‑Gżejjer Maltin u jekk humiex qed itejbu l‑kwalità tal‑ħajja tan‑nies.

Agħfas hawn biex taqra r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Ambjent.