Bi tħejjija għall‑ftuħ tas‑sena skolastika 2020‑2021, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi ltaqa’ mal‑edukaturi l‑ġodda fl‑iskejjel tal‑Knisja waqt seminar online organizzat mis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija. Aktar minn 150 edukatur ġdid bdew jaħdmu fl‑iskejjel tal‑Knisja f’din is‑sena skolastika l‑ġdida.

Fil-messaġġ tiegħu l-Isqof irringrazzja lill-edukaturi talli għażlu li jgħallmu fi skola tal-Knisja u stedinhom biex jieħdu dejjem bis-serjetà l-formazzjoni kontinwa (ongoing education), b’mod partikolari f’dak kollu li jiddistingwi l-iskola Kattolika u l-etos tagħha.

L-Isqof Galea-Curmi semma ħames karatteristiċi ewlenin ta’ skola tal-Knisja. Beda bil-viżjoni tal-iskola li hi ispirata mill-fidi u li tidher fix-xhieda u l-kliem tal-edukaturi. Semma kif għall-Kattoliċi l-ħajja tal-bniedem hi għażiża f’kull waqt tagħha u proprju għalhekk, wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ skola tal-Knisja hu li tagħti valur u dinjità lil kull student billi tgħinhom jiskopru u jiżviluppaw it-talenti u l-kapaċitajiet tagħhom. Qal ukoll li skola Kattolika għandha tipprovdi formazzjoni ħolistika, inkluż b’mumenti ta’ talb u ċelebrazzjonijiet ta’ fidi, sabiex l-edukazzjoni mhux biss tħejji lill-istudenti akkademikament imma twieġeb għad-domandi essenzjali tal-ħajja.

L-Isqof qal li skola tal-Knisja taħdem biex tkun esperjenza ta’ inklussività b’rispett għad-diversità. Fisser kif din tgħin lill-istudenti biex joħorġu minn mentalità individwalista u hekk jibnu komunità ta’ relazzjonijiet fejn jagħrfu l-ħtiġijiet tal-oħrajn u jgħinu bħal aħwa.

Fi kliem l-Isqof, skola tal-Knisja tqiegħed fiċ-ċentru l-valuri li joħorġu mit-tagħlim soċjali tal-Knisja, fosthom il-formazzjoni għall-impenn soċjali u l-iżvilupp ta’ soċjetà ġusta u ta’ wens b’attenzjoni partikulari għal min hu batut. L-Isqof ħeġġeġ lill-edukaturi biex jgħaqdu flimkien il-professjonalità max-xhieda tal-etos ta’ skola Kattolika.

Matul ix-xhur tas‑sajf saru diversi xogħlijiet bi spejjeż kbar għall‑iskejjel tal-Knisja, b’mod partikolari biex titħares is‑saħħa u s‑sigurtà ta’ dawk kollha li ser ikunu fiżikament preżenti fil-bini tal-iskola. Fejn kien possibbli, ġew ikkonvertiti wkoll partijiet mill‑kunventi fi klassijiet. Kull skola qed tiġi spezzjonata minn uffiċjali tas-saħħa u s-sigurtà sabiex l-iskejjel ikunu konformi mal-linji gwida u l-protokolli maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Matul din is‑sena skolastika, madwar 3,000 edukatur se jkunu qed jgħallmu fil‑livelli kindergarten, primarju, sekondarju u s‑sitt sena post‑sekondarja f’55 skola tal-Knisja li fil-jiem li ġejjin ser jilqgħu mas-17,000 student.

Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Nixtieq nuri l‑apprezzament lis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika għall‑ħidma tiegħu b’tant impenn u dedikazzjoni. Nixtieq insellem mill‑qalb lill‑edukaturi kollha, illum speċjalment lill‑edukaturi ġodda fl‑iskejjel tal‑Knisja. Nixtieq nurikom l‑apprezzament tal‑Knisja f’Malta li intom għażiltu li taħdmu fil‑qasam tal‑edukazzjoni f’dawn l‑iskejjel, li huma tant għeżież għall‑Knisja. Se tibdew fi żmien verament diffiċli għall‑iskejjel kollha minħabba l‑pandemija li għadna qed ngħixu, u l‑isfidi kollha li din ħolqot u qed toħloq bħalissa għall‑edukazzjoni, u għalhekk nixtieq nagħmlilkom ħafna kuraġġ qalb dawn l‑isfidi li qed ngħixu bħalissa.

L‑iskejjel tal‑Knisja għandhom kontribut importanti fil‑kuntest tal‑missjoni ta’ evanġelizzazzjoni tal‑Knisja. Dan il‑kontribut joħroġ ukoll b’mod qawwi fil‑kuntest tal‑ħajja reali li qed ngħixu llum u ta’ soċjetà pluralista b’dak kollu li tfisser. Għalhekk hi importanti ħafna l‑formazzjoni ta’ dawk kollha li jagħtu sehemhom fl‑iskejjel tal‑Knisja. Inħeġġiġkom minn issa, intom speċjalment li għadkom fil‑bidu, biex dejjem tieħdu b’serjetà l‑formazzjoni kontinwa (ongoing education) speċjalment fejn għandu x’jaqsam dak li jiddistingwi l‑iskola Kattolika u l‑etos tagħha.

Nixtieq insemmi għall‑konsiderazzjoni tagħkom ħames karatteristiċi li jiddistingwu l‑iskola Kattolika u li huma ħafna drabi risposta għar‑realtà tal‑ħajja tagħna llum.

Ispirata minn viżjoni li għandha rabta mal‑fidi

Il‑viżjoni tal‑iskola tal‑Knisja hi essenzjalment ispirata mill‑fidi. Il‑Papa Franġisku jispjegaha hekk: toffri orizzonti li huma miftuħa għat‑traxxendent. Jiġifieri li aħna ma nħarsux biss lejna nfusna imma jkollna din il‑ħarsa lil hinn minna, lejn Alla. Il‑fidi turi ruħha qabel xejn fix‑xhieda li jagħtu l‑edukaturi, u mbagħad tkun imsieħba mal‑kliem li jgħidu li juru tassew din il‑viżjoni.

Meta l‑iskola Kattolika qed tgħix u twassal din il‑viżjoni, hija risposta għas‑sekulariżmu mifrux fis‑soċjetà llum li jġib mentalità ta’ ħajja mingħajr Alla u mingħajr dak kollu li Alla jfisser.

Mibnija fuq antropoloġija Nisranija

L‑iskola Kattolika hi mibnija fuq antropoloġija Nisranija. Jiġifieri: hemm mod partikulari kif tħares lejn il‑bniedem. L‑ewwel nett, ħa nsemmi ħaġa li għalina hi ovvja imma dejjem trid tiġi ripetuta: għalina l‑ħajja umana hi għażiża f’kull waqt tagħha, mill‑bidu tagħha – mit‑tnissil – u tibqa’ għażiża sat‑tmiem naturali. Għadu kif ħareġ ilbieraħ dokument mill‑Kongregazzjoni għad‑Duttrina tal‑Fidi, bl‑isem Samaritanus bonus (Samaritan tajjeb) – inħeġġiġkom biex taqrawh – li jitkellem fuq il‑kura tal‑persuni li jkunu waslu f’fażijiet kritiċi u terminali fil‑ħajja; jagħmel enfasi fuq il‑ħarsien tal‑ħajja tal‑persuna sal‑aħħar. Irrid ngħid kemm hu importanti speċjalment f’daż‑żmien li qed ngħixu; għaliex tolqtok kultant bl‑aħbarijiet li qed nisimgħu issa kuljum – miet anzjan jew mietet anzjana minħabba l‑pandemija – ċerta mentalità żbaljata li “dak anzjan – kien wasal lejn l‑aħħar diġà.” Il‑viżjoni ta’ skola Kattolika hi mibnija fuq antropoloġija Nisranija li tagħti valur lil kull bniedem fil‑fażijiet kollha tal‑ħajja, għax kull bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla, bid‑dinjità li din tfisser. 

Għalhekk l‑importanza tal‑iżvilupp tal‑persuna fl‑istima tagħha nnifisha; li wieħed jgħin lill‑istudenti jiskopru u jiżviluppaw it‑talenti u wieħed jgħin lill‑persuna tikber f’persuna integrata, u kapaċi tagħti u toffri. Il‑Papa Franġisku fl‑Eżortazzjoni Appostolika dwar iż‑Żgħażagħ Christus Vivit – fejn isemmi wkoll il‑pastorali fil‑qasam tal‑edukazzjoni – f’mument minnhomisemmi lil żagħżugħ Taljan, Carlo Acutis, li miet ta’ 15‑il sena. Kien żagħżugħ fuq tiegħu, impenjat, u miet żgħir. Se jiġi bbeatifikat fl‑10 ta’ Ottubru. Il‑Papa jikkwota lil Carlo Acutis b’din is‑sentenza li tant tgħodd fil‑qasam tal‑edukazzjoni: “All people are born as originals but many die as photocopies”. Kemm hi importanti li aħna ngħinu lill‑istudenti joħorġu l‑oriġinalità tagħhom, b’mod li jiżviluppaw it‑talenti fl‑istima tagħhom infushom ħa jikbru bħala persuni.

Din hi risposta għal dik li l‑Papa Franġisku jsejjaħ il‑kultura tal‑iskart – mentalità mifruxa fis‑soċjetà – li tista’ tiskarta lil xi nies jew għax huma dipendenti ħafna, jew għax huma b’xi mod jew ieħor emarġinati, jew għax qegħdin lura u ma jistgħux ilaħħqu mal‑oħrajn. Aħna qed ngħidu li l‑viżjoni tagħna, mibnija fuq antropoloġija Nisranija, tagħti valur lil kull bniedem.

Formazzjoni ħolistika

L‑iskola Kattolika għandha tipprovdi formazzjoni ħolistika, u għalhekk il‑kurrikulu kollu hu intenzjonat għal dan. It‑tagħlim tar‑Reliġjon u l‑edukazzjoni reliġjuża huma importanti ħafna, imma fi skola Kattolika dawn mhumiex qishom xi kompartamenti għalihom, mifrudin mill‑esperjenza sħiħa edukattiva. Għalhekk hu importanti li jkun hemm l‑ambjent kollu li qed jgħin f’din il‑formazzjoni ħolistika. Il‑mumenti ta’ talb u ċ‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi fl‑iskola għandhom jgħinu biex iwasslu din il‑viżjoni sħiħa.

Din hi risposta għall‑frammentazzjoni li tant tinħass fil‑ħajja taż‑żgħażagħ illum. Meta aħna ninsistu fuq formazzjoni ħolistika, hi risposta proprja għal din il‑frammentazzjoni.

Għandha fil‑qalba tagħha l‑bini ta’ komunità – komunjoni fid‑diversità

L‑iskola Kattolika tagħti importanza lill‑ispirtu ta’ komunjoni li ġejja mill‑fidi. Kultant nitkellmu fuq l‑importanza tat‑teamwork – kemm hu tajjeb li naħdmu flimkien anke f’ambjent edukattiv. Imma, lil hinn minn teamwork, hi espressjoni tal‑fidi tagħna: il‑Knisja għandha tkun, min‑natura tagħha, dar u skola ta’ komunjoni.

Hawnhekk wieħed ta’ min jenfasizza l‑importanza tal‑kollaborazzjoni, ta’ sħubija fejn kulħadd jagħti s‑sehem tiegħu (amministrazzjoni, staff, għalliema, studenti, familji) u fejn toħroġ b’mod sabiħ l‑unità fid‑diversità. L‑unità qatt ma għandha tfisser uniformità – kulħadd l‑istess – imma hi apprezzament tad‑diversità. Din hi l‑enfasi li tajjeb bħala edukaturi ġodda tkunu infurmati fuqha bħalissa fid‑diskussjoni li għaddejja dwar il‑liġi tal‑ugwaljanza. Min‑naħa tal‑iskejjel tal‑Knisja u ta’ għaqdiet oħra hemm l‑insistenza fuq l‑ugwali imma b’rispett tad‑diversità. Aħna ugwali quddiem Alla, imma dan ma jneħħix id‑diversità, anzi jgħinna biex napprezzawha bħala rikkezza.

Għalhekk ukoll l‑iskola tal‑Knisja taħdem biex tkun esperjenza ta’ inklussività – fejn ħadd ma jkun eskluż, u fejn l‑istudenti jkunu edukati ħalli huma jistgħu jibnu tassew umanità fraterna b’nisġa ta’ relazzjonijiet li jsaħħu l‑komunità. Ta’ min hawnhekk isemmi l‑Enċiklika li l‑Papa Franġisku se jiffirma f’Assisi fit‑3 ta Ottubru li ġej, bl‑isem: “Aħna lkoll aħwa”. Hu ħa l‑isem mill‑kliem ta’ San Franġisk, fejn il‑Papa qed jinsisti ħafna fuq l‑enfasi tal‑‘aħwa’. Aħna lkoll aħwa, u din għandna nuruha ħafna fil‑qasam edukattiv.

Din hi risposta għall‑individwaliżmu li, kif nafu, hu tant mifrux, fejn wieħed ifittex l‑interessi tiegħu. L‑iskola Kattolika għandha tgħin lill‑istudenti biex jagħrfu joħorġu minn din il‑mentalità individwalista ħalli jistgħu jibnu komunità ta’ relazzjonijiet ta’ aħwa.

Sostnuta bil‑valuri tal‑Evanġelju

L‑iskola Kattolika tqiegħed lil Ġesù Kristu fiċ‑ċentru, u dak kollu li joħroġ mill‑ħajja, mill‑valuri, mill‑attitudnijiet u mill‑għażliet tiegħu. Fost dawn, hemm il‑formazzjoni għall‑impenn soċjali u l‑iżvilupp ta’ soċjetà ġusta u ta’ wens (caring) b’attenzjoni partikulari għal min hu batut.

Nirreferi hawn għat‑tagħlim soċjali tal‑Knisja, li għandu rikkezza kbira. Skola Kattolika għandha tgħin ħafna fit‑tisħiħ ta’ dawn il‑valuri li joħorġu mit‑tagħlim soċjali tal‑Knisja. Insemmi wkoll dak li qal l‑Arċisqof  nhar it‑Tnejn li għadda, meta kien qed jitkellem fl‑omelija fil‑quddiesa f’Jum l‑Indipendenza, fejn irrefera għal dak li l‑Papa Franġisku kien semma bħala prinċipji għall‑fejqan tas‑soċjetà. Dawn is‑seba’ prinċipji huma prinċipji bażiċi importanti ħafna għall‑edukazzjoni Kattolika: id‑dinjità tal‑persuna, il‑ġid komuni, l‑għażla preferenzjali tal‑foqra, id‑destinazzjoni universali tal‑ġid, is‑solidarjetà, is‑sussidjarjetà, u l‑għożża għad‑dar komuni tagħna. Fuq kull waħda tista’ tgħid ħafna – mhux l‑iskop hawhekk – imma jien xtaqt li nenfasizza dawn il‑prinċipji. Naf li fuq diversi minn dawn diġà jsir ħafna fl‑iskejjel Kattoliċi, u għandna nkomplu nsaħħu dawn il‑valuri li huma tant importanti fit‑tagħlim soċjali tal‑Knisja.

Din hi risposta għall‑mentalità ta’ indifferentiżmu u ta’ relativiżmu, fejn il‑valuri mhumiex mogħtija l‑importanza tagħhom.

Professjonalità u xhieda

Semmejt dawn il‑ħames karatteristiċi. L‑iskola Kattolika hi l‑ambjent li jippromwovi dan kollu, fejn l‑istudenti jirċievu l‑appoġġ mill‑edukaturi għal dan. L‑għalliema, LSEs, l‑edukaturi kollha għandhom sehem ta’ valur kbir f’dan kollu. Għalhekk inħeġġiġkom biex tgħaqqdu flimkien il‑professjonalità max‑xhieda tal‑etos ta’ skola Kattolika. Hu importanti li tidħlu diġà b’dan l‑impenn u tkomplu ssaħħuh tul is‑snin.

Jien ċert li s‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika hu impenjat li jagħtikom is‑sapport kollu li teħtieġu. Nirringrazzja ħafna lil dawk kollha li qed jaħdmu fis‑Segretarjat biex jagħtukom dan l‑appoġġ. Nawguralkom mill‑qalb, lilkom edukaturi ġodda, għall‑ħidma ġdida tagħkom, u nitlob lill‑Mulej iberikkom.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju