“Hemm il-ħtieġa għall-kattoliċi sabiex ma jwarrbux il-kultura moderna, jifhmu u japprezzaw l-aspetti pożittivi tagħha meta jkunu qed jiddiskutu l-punti negattivi”. Dan iddikjarah dak li kien President għall-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi fl-Italja.

Il-Kardinal Camillo Ruini afferma dan f’intervista ma’ Radju Vatikan dwar il-pubblikazzjoni tal-ktieb “Confini”, li jesponi diskusjoni sħiħa bejn il-Kardinal u l-istoriku Ernesto Galli della Loggia.

Il-Kardinal kompla jgħid li “jekk l-umanita tixtieq li tagħmel passi ‘il quddiem u tindirizza serjament il-problemi u l-isfidi kbar li għandha quddiemha, għandha jkollha raġuni ħielsa mill-ispirtu xjentifiku u mir-relattiviżmu”.

Kien f’dan id-dawl li rrefera għall-istedina tal-Papa Benedittu XVI sabiex titwessa’ r-razzjonalita, stedina li fi kliemu hi miftuħa għall-umanita kollha kemm hi, anki meta partikolarment indirizzata għall-Knisja fil-ħidma tagħha ta’ evanġelizzazzjoni ġenwina fil-Punent.

Il-Kardinal Camillo Ruini temm jafferma li “għal raġuni teoretika, hu sforz li wieħed ma jillimitax ir-raġuni umana fis-sens propju tagħha. Fl-istess waqt hu sforz li wieħed jirnexxielu jaqbeż l-ostaklu tar-relattiviżmu, waqt li jżomm f’moħħu li fir-realta prattika u morali, ir-raġuni umana kapaċi titwaħħad mar-realta”.