‘Kelma ta’ Ħabib’ – Id-Diskorsi tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

    • Il‑protezzjoni tal‑ħajja, l‑inkluzjoni soċjali, is‑servizz fl‑ezerċizzju tal‑poter, il‑ħarsien tal‑ambjent u s‑Sena tal‑Ħniena li ħabbar il‑Papa Franġisku huma wħud mit‑temi varji li l‑Arċisqof Charles J. Scicluna jitratta fl‑omeliji tiegħu matul din l‑aħħar sena, li ġew ppublikati fil‑ktieb ‘Kelma ta’ Ħabib’. Fl‑omeliji tiegħu, l‑Arċisqof ifakkar, jafferma u joffri t‑tagħlim tal‑Knisja lil kull bniedem ta’ rieda tajba. 
      L‑Uffiċċju Komunikazzjoni ħabbar il‑publikazzjoni ta’ dan il‑ktieb fl‑okkażjoni tal‑ewwel sena mill‑Ingress Solenni tal‑Arċisqof, li sar fil‑21 ta’ Marzu 2015. Il‑faċċata tal‑ktieb turi ritratt tal‑Arċisqof meħud dakinhar tal‑Ingress fil‑Katidral tal‑Imdina.
      Il‑ktieb jinkludi l‑messaġġi u l‑omeliji ta’ Mons. Scicluna, aktar minn mitt diskors b’kollox, mill‑bidu tal‑ħatra tiegħu bħala Amministratur Appostoliku fit‑18 ta’ Ottubru 2014, saċ‑ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Re li temmet l‑aħħar sena liturġika, fit‑22 ta’ Novembru 2015.

      Il‑ktieb ta’ madwar 400 paġna jinkludi aktar minn 30 paġna ta’ ritratti bil‑kulur li ttieħdu f’diversi okkażjonijiet. Il‑ktieb  jinkludi wkoll indiċi analitiku li jgħin lill‑qarrej isib malajr it‑tagħlim tal‑Arċisqof fuq suġġett partikolari.  

      Il-Publikazzjoni hija sponsorjata mill-APS Bank.