L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“…Int għid kelma biss u l-qaddej tiegħi jfiq”. Din hi t-talba li għamel iċ-ċenturjun lil Ġesù, meta mar isibu, jitolbu jfejjaq lill-qaddej tiegħu li kien batut ħafna. Hawn għandna ġrajja tassew sabiħa li tgħidilna ħafna affarijiet sbieħ għal ħajjitna. Nixtieq li nħarsu kemm lejn iċ-ċenturjun, kif ukoll lejn Ġesù, u naraw x’jgħallmuna permezz ta’ din il-ġrajja.

Iċ-ċenturjun kien bniedem li kellu responsabbiltà kbira. Kellu nies li tagħhom kien responsabbli, is-suldati, u jidher li kienu jobduh mhux ħażin, għax hu jgħid li lil wieħed jgħidlu “mur” u jmur, lill-ieħor jgħidlu “ejja” u jiġi, u lill-ieħor jgħidlu “agħmel dan” u jagħmlu. Mhux dejjem issib daqshekk nies li jobdu! Kellu din ir-responsabbiltà li kien jaqdiha b’mod tajjeb. Imma kien ukoll bniedem li jimpurtah mill-persuni. Lill-qaddej tiegħu, li kien marid u batut, hu għamel minn kollox biex ifejqu. Kien jirrispettah u jħobbu. Dan iċ-ċenturjun kellu fidi f’Ġesù, għalkemm ma kienx wieħed mill-poplu Lhudi. Kellu fidi li Ġesù jista’ jfejqu. Nafu wkoll li ma kienx bniedem imkabbar, fil-fatt lil Ġesù jgħidlu: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi.”

Li jolqtok ħafna hu kemm din il-fidi taċ-ċenturjun kienet qawwija. Hu ma marx għand Ġesù biex imbagħad jieħdu miegħu d-dar ħa jfejjaqlu l-qaddej, imma qallu “għid kelma biss”, kelma waħda. Kellu fidi li b’dik il-kelma, mill-bogħod, Ġesù jfejjaq lill-qaddej tiegħu. Kienet din il-fidi li Ġesù jfaħħar, u jgħid: “Lanqas f’Iżrael ma sibt fidi bħal din”. U fl-aħħar ta’ dan ir-rakkont, ftit wara dak li qrajna llum, jgħidlu: “Ħa jsirlek kif emmint”. Fil-fatt fieq il-qaddej.

Ħa nħarsu lejn Ġesù. Hu dejjem ta’ sensittività kbira, li juri rispett u mħabba lejn kull persuna. Hawn semmielu l-qaddej, li Ġesù ma kienx midħla tiegħu. Imma nnutaw: meta ġie jitolbu biex ifejjaqlu l-qaddej, Ġesù jgħidlu: “Niġi jien infejqu”. Mill-ewwel. Ma marx għaliex iċ-ċenturjun qallu li biżżejjed jgħid kelma; imma kien lest li jmur, għax Ġesu jimpurtah minn kull persuna, u b’mod speċjali dawk li qegħdin ibatu – bħalma kien dan il-qaddej, li kien “batut wisq”. Ġesù jħobb lil kull persuna u jixtieq iwassal din l-imħabba tiegħu lejn kull persuna.

Ħa nħarsu lejn Ġesù. Hu dejjem ta’ sensittività kbira, li juri rispett u mħabba lejn kull persuna.

Din hi ġrajja tant sabiħa, li nfakkruha kull darba fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, meta nirrepetu l-istess kliem li qal iċ-ċenturjun. Hawn jgħidlu: “Sinjur ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma biss u l-qaddej tiegħi jfiq”. Meta s-saċerdot juri lil Ġesù jgħid: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf”, aħna ngħidu, bl-istess kliem taċ-ċenturjun applikat għalina, mhux għall-qaddej: “Mulej ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. It-talba nagħmluha qabel nitqarbnu, jew meta ma nistgħux nitqarbnu, fit-tqarbina tax-xewqa. Meta ngħidu “ma jistħoqqlix”, din tfakkarna li Ġesù jiġi fina mhux għax jistħoqqilna, mhux biex jippremjana għax aħna tajbin, imma għax iħobbna. Din hi l-preżenza tiegħu fina, għax iħobbna, hi dejjem preżenza li tagħmlilna l-ġid u ġġib il-fejqan, speċjalment il-fejqan minn ġewwa.

Nitolbu għalhekk lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fidi, ispirati minn din il-ġrajja taċ-ċenturjun, u biex aħna dejjem ngħidu bil-qalb: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.”

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju