• B’referenza għall-artiklu “Diskriminazzjoni ma’ Studenti Refuġjati”, ippublikat nhar il-Ħadd 18 ta’ Ottubru 2015, fil-ġurnal “It-Torċa”, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija jixtieq jikkjarifika dan li ġej.

    Fl-applikazzjonijiet għad-dhul fl-iskejjel tal-Knisja ma ssir l-ebda distinzjoni bejn tfal Maltin, barranin u dawk refuġjati. Dan ifisser li tfal refuġjati nkluż dawk li jew huma jew xi ħadd mill-ġenituri tagħhom qed ifittxu ażil, dejjem setgħu japplikaw taħt il-kriterju “applikanti ohra”. Dan japplika bl-istess mod għal dawk it-tfal refuġjati li jkollhom bżonn ta’ LSA (Learning Support Assistant). Għalhekk mhux minnu li ssir xi forma ta’ diskriminazzjoni fil-konfront ta’ tfal refuġjati, kif allegat fit-titlu tal-artiklu inkwistjoni.

    Barra minn hekk, sentejn ilu s-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija ntroduċa kriterju ġdid għad-dhul fl-iskejjel tal-Knisja, li permezz tiegħu ġew riżervati numru ta’ postijiet għat-tfal refuġjati nkluż dawk li jew huma jew il-ġenituri tagħhom qed ifittxu ażil. Dan il-kriterju għandu l-għan li mhux biss jiġġieled id-diskriminazzjoni, imma saħansitra joffri vantaġġ lit-tfal refuġjati li huma zvantaġġjati minħabba s-sitwazzjoni tagħhom.

    Jibqa’ l-fatt li l-postijiet fl-iskejjel tal-Knisja huma limitati u t-talba għalihom hija ferm akbar mill-postijiet disponibbli. Din ir-realtà tapplika wkoll għal każijiet serji ta’ tfal li għandhom bżonn LSA, irrispettivament minn jekk humiex Maltin, barranin jew refuġjati. Minħabba f’din il-limitazzjoni, li s-Segretarjat m’għandux kontroll fuqha, ir-regolamenti se jibdew jindikaw li tfal refuġjati u li jeħtieġu LSA, għandhom japplikaw taħt il-kriterju “Każijiet Serji LSA”, mal-applikanti l-oħra li jeħtieġu LSA.  

    Din il-proċedura favur it-tfal refuġjati nkluż dawk li jew huma jew xi ħadd mill-ġenituri tagħhom qed ifittxu l-ażil, saret f’konsultazzjoni ma’ l-Awtoritajiet Edukattivi, il-Kummissjoni Emigranti, il-Jesuit Refugee Services (JRS) u l-UNHCR Malta.