Nhar il-Ħamis 11 u l-Ġimgħa 12 ta’ Mejju, il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann tellgħet il-Konferenza tal-Katidrali Ewropej fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-Konferenza ta’ din is-sena iffukat fuq ‘L-Ekwilibriju bejn il-Konservazzjoni u l-Ispiritwalità’ li hija tema importanti li taf tenfasizza l-ħtieġa biex jinstab bilanċ bejn il-preservazzjoni tas-sinifikat storiku u kulturali tal-katidrali u l-artefatti tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li s-sinifikat spiritwali tagħhom jibqa’ rilevanti għas-soċjetà kontemporanja. Fl-2021, saret konferenza simili dwar il-katidrali Ewropej li ffokat fuq il-prattiċi tajba u l-esperjenza fil-preservazzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti permezz ta’ kontroll ambjentali permezz ta’ tekniki mikroklimatiċi. 

B’kelliema minn Malta, l-Italja, il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Polonja, Franza, it-Turkija, l-Ukrajna, ir-Renju Unit, l-Iżvizzera u Spanja, din il-konferenza se toffri opportunitajiet abbundanti għal dawk li pparteċipaw biex jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom dwar kif il-valuri tal-komunità reliġjuża ma’ dawk tad-dinja tal-konservazzjoni jingħaqdu flimkien. Din il-konferenza se tlaqqa’ flimkien grupp divers ta’ riċerkaturi, studenti, u esperti fil-qasam tal-konservazzjoni, ix-xjenza u l-arkitettura minn madwar l-Ewropa u pprovdiet spazju għal netwerking u diskussjonijiet dinamiċi. 

Mgr. Prof. Emmanuel Agius, President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, nieda l-Konferenza billi enfasizza li ‘bħala kustodji tal-patrimonju kulturali, għandna responsabbiltà etika li nirrevedu kontinwament l-approċċi u t-tekniki attwali tagħna fil-metodoloġija ta’ konservazzjoni biex nsostnu s-sinifikat spiritwali u reliġjuż tas-siti storiċi u kulturali tagħna u l-kollezzjonijiet ta’ arti imprezzabbli tagħhom.” Il-Prof Agius awgura li “din il-konferenza twassal għal diskussjoni akkademika fost il-komunitajiet ta’ kuraturi u konservaturi tal-Katidral dwar l-aħjar approċċi etiċi u prattiċi integrali dwar kif jiġu salvagwardjati l-integrità u l-awtentiċità tal-wirt reliġjuż ta’ valur universali eċċellenti għall-ġenerazzjonijiet futuri.” 

Preżenti għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, il-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede, qal li “l-Knisja tappoġġja u tħeġġeġ politiki ta’ konservazzjoni li jissalvagwardjaw ir-realtà intanġibbli tal-wirt kulturali peress li l-arti għandha skop evanġeliku”.

L-Eminenza Tiegħu ħeġġeġ lil dawk kollha. li huma direttament jew indirettament involuti fil-konservazzjoni tal-wirt kulturali għal ‘sentire cum Ecclesia’, biex kull wieħed ikun jista’ jagħmel ix-xogħol speċifiku tiegħu jew tagħha bħala kontribut prezzjuż għall-missjoni evanġelizzanti tal-Knisja permezz tal-arti. 

L-Arċisqof Charles Scicluna qal, “Il-konservazzjoni ta’ oġġetti reliġjużi artistiċi u drappijiet tal-knisja, li huma espressjonijiet ta’ fidi, ma tistax tinjora s-sentimenti reliġjużi u devozzjonali tal-komunitajiet tagħna. Meta l-fidi, kif ċċelebrata fil-liturġija, tiltaqa’ mal-arti, toħloq armonija profonda għax it-tnejn jistgħu jfaħħru lil Alla bil-mod tagħhom, u jagħmlu l-inviżibbli viżibbli. Il-Knisja f’Malta tixtieq ħafna li l-ispazji sagri tagħna u l-kollezzjonijiet artistiċi rikki ġewwa fihom jitqiesu mhux biss bħala opportunitajiet ta’ arrikkiment kulturali imma fuq kollox bħala mumenti ta’ grazzja.” 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li “Malta huwa pajjiż sinjur fil-wirt kulturali u patrimonjali, u huwa dmir tagħna li nipproteġu u nikkonservaw dawn it-teżori għall-ġenerazzjonijiet futuri.” Il-Ministru Bonnici rrimarka kemm hi ħaġa sabiħa li għandna relazzjoni b’saħħitha bejn l-Istat u l-Knisja u din is-sinerġija għandha rwol kruċjali fil-preservazzjoni u l-konservazzjoni tal-bini sagru u l-wirt kulturali tagħna. Dr Bonnici kkonkluda billi rringrazzja lill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann talli organizzat din il-konferenza importanti: “Ejja naħdmu flimkien biex niżguraw li l-wirt kulturali u spiritwali tagħna jkompli jispira għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.” 

“Il-fidi Kattolika Kristjana kienet u għadha tifforma parti intrinsika minn dak li jagħmilna Maltin. Id-dinja għaddejja minn bidliet ta’ kuljum, iżda rrridu dejjem nibqgħu viġilanti u ta’ rispett lejn it-tradizzjonijiet reliġjużi lokali. It-turiżmu tal-fidi jista’ jinkoraġġixxi u jqajjem iżjed kuxjenza dwar l-importanza tal-ħarsien ta’ postijiet storiċi u rikezzi,” irrimarka l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo. 

Din il-Konferenza kienet organizzata mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, b’kollaborazzjoni mal-Opera della Primaziale Pisana, f’Pisa. Dan l-avveniment Ewropew kien megħjun mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Bank of Valletta. 

Il-Konferenza kienet ukoll il-katalist ta’ sħubija bejn il-Fondazzjoni tal-Konkatidral u l-Bank of Valletta, li ghandu storja twila ta’ sostenn lejn il-preservazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt nazzjonali, sabiex fis-snin li ġejjin jaħdmu flimkien sabiex ikomplu jkattru l-għarfien dwar il-Konkatidral u r-rikkezzi artistiċi u l-istorja glorjuza tiegħu ma’ studenti Maltin u Għawdxin. 

Il-Fondazzjoni temmen li din il-Konferenza ikkonsolidat lill-Konkatidral fuq livell Ewropew u pprovdiet pjattaforma siewja għall-iskambju ta’ ideat u għarfien, li tikkontribwixxi għall-avvanz ulterjuri tar-riċerka fil-qasam tal-katidrali, u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-katidrali Ewropej u l-komunitajiet tagħhom.