Barack Obama

’sena kruċjali karatterizzata mill-elezzjonijiet fl-Istati Uniti tal-Amerika, karatterizzata wkoll minn konfrontazzjoni dwar il-liberta reliġjuża, l-Assoċjazzjoni Kattolika tas-Saħħa rrifjutat il-proposta tal-President Amerikan Barack Obama li jemenda r-regolamenti li jinfurzaw pjani fis-settur privat tas-saħħa fl-Amerika biex ikunu provduti servizzi ta’ sterilizzazzjoni u kontraċezzjoni, kif ukoll pilloli abortive.

Ir-rifjut tal-emendi proposti fir-rigward tal-mandat kontroversjali fil-qasam tal-kura tas-saħħa qed jitqies sinifikanti, speċjalment fid-dawl ta’ sforzi li saru mill-amministrazzjoni Obama sabiex finalment il-Knisja tappoġġjahom f’għajnuna lil Obama sabiex jikseb l-approvazzjoni fil-Kungress.

F’ittra indirizzata lill-amministrazzjoni tal-President Amerikan, l-Organizzazzjoni iddikjarat li hi tappoġġja “id-dritt ta’ kura tas-saħħa lit kun aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd”.

Inizjalment, l-Assoċjazzjoni appoġġjat lill-President Obama fl-ideat li kien qed jesprimi, pero qalet li iktar studju wassalha biex tintebaħ li xorta kien hemm lok għal tħassib. Insistiet li sptarijiet kattoliċi, organizzazzjonijiet għall-kura tas-saħħa u ministeri oħra tal-Knisja m’għandhomx ikunu sfurzati jipprovdu jew iħallsu għal servizzi moralment oġġezzjonabbli, bħall-kontraċezzjoni.

L-Assoċjazzjoni kienet ukoll kritika għall-attentati tal-amministrazzjoni Obama li tiddiferixxi bejn l-elementi reliġjużi u dawk sekulari tax-xogħol. Qalet li “biex tagħmel tali distinzjoni, ifisser li toħloq dikotomija falza bejn il-Knisja Kattolika u l-ministeri li permezz tagħhom il-Knisja tgħix it-tagħlim ta’ Kristu”.

L-Assoċjazzjoni temmet tgħid li l-provdituri kattoliċi tal-kura tas-saħħa “jipparteċipaw fil-ministeru ta’ Kristu f’dak li jirrigwarda fejqan”.

Il-missjoni tagħna u l-istandards etiċi li nħaddnu fil-kura tas-saħħa isibu għeruqhom u huma inseparabbli mill-Knisja Kattolika u t-tagħlim tagħha dwar id-dinjita umana u l-qdusija tal-ħajja tal-bniedem mill-konċepiment sal-mewt naturali”.

L-ittra tal-Assoċjazzjoni Kattolika tas-Saħħa hi fl-istess linja li ġibdu l-Isqfijiet Amerikani li tkellmu unanimament kontra l-proposta tal-amministrazzjoni Obama u sejħulha attack fuq il-liberta reliġjuża.