• Il-ktieb The Academic formation of priests in the University of Malta 1838-1938 jaf il-bidu tiegħu lir riċerka li l-awtur, Dun Frans Bonnici, għamel fl-arkiviji Maltin (Biblijoteka Nazzjonali, l-Università u l-Arkivju ta’ l-Ingliżi f’Santu Spiritu, ir-Rabat), u arkivji f’Ruma (tal-Università Gregorjana, San Albertu tal-Karmelitani u l-Angelicum tad-Dumnikani).

      Ir-riċerka kienet ikkonċentrata fuq il-formazzjoni akkademika, jiġifieri l-istudju li l-qassisin Maltin bejn l-1838 u l-1938 għamlu qabel saru saċerdoti. Biex bdew l-istudji tagħhom fit-Teoloġija dawn l-istudenti bħall-istudenti tal-Liġi u tal-Mediċina studjaw fil-Liċeo jew skejjel privati, għamlu l-kors tal-Arti, Xjenzi u Filosofija fl-Università stess. Wara li għaddew mill-eżamijiet ta’ dawn l-iskejjel, l-istudenti għamlu l-għażla tagħhom quddiem Alla u fil-Knisja għax sabu f’ħajjithom li Alla kien qiegħed isejħilhom għal saċerdoti.

      0

       Advanced issues found

       

  • L-istorja tal-Knisja turi li matul is-sekli l-Knisja dejjem ħadet ħsieb il-formazzjoni akkademika ta’ dawk li riedu jsiru sċerdoti. Hija pprovdiet skejjel fil-Katidrali, Universitajiet u Seminarji biex tfal u żgħażagħ msejħin għas-saċerdoti jhejju ruħhom fit-tagħlim tal-Knisja, fil-ħajja spiritwali  u fil-pastorali tas-sagramenti u kura tal-erwieħ.

    F’Malta ħafna qassisin Maltin studjaw għand saċerdoti oħra u kienu jafu ftit li xejn it-tagħlim tal-Knisja. Waqt li  oħrajn studjaw fl-istituzzjonijiet tal-Knisja bħalma kienu l-iskola tal-Katidral u l-iskejjel tar-Reliġjużi (Ġiżwiti, Dumnikani, Agostinjani, Franġiskani, Karmelitani u Karmelitani skalzi) sakemm fl-1703 fetaħ is-Seminarju tal-Imdina. Il-Kulleġġ tal-Ġiżwiti li dam miftuħ mill-1592 sal-1769 meta nbidel f’Università mill-Granmastru Emmanuel Pinto fl-1769 ta’ sehem kbir lill-formazzjoni tas-saċerdoti li kienu kapċi jistudjaw f’level għoli tal-edukazzjoni.

    L-Università kellha livell għoli ta’ studju fil-Grammatika, fil-Filosofija, fit-Teoloġija, fil-Liġi u fil-Mediċina mogħnija b’kurrikulum ta’ studju għoli u professuri barranin. L-Ingliżi reġgħu fetħuha malli rifsu fuq Malta. Ir-riċerka li saret fuq dan il-perijodu tal-Ingliżi fl-ewwel nofs tas-seklu dsatx sabet l-ismijiet tal-istudenti li ggradwaw fit-Teoloġija kif ukoll l-isforz kbir li għamlu l-Gvernaturi Maitland, Hastings, Ponsomby u Bouverie biex imexxu ’l quddiem l-edukazzjoni f’Malta. Ħaġa li ma kinetx ħafifa biex issir.

    Bouverie fetaħ s-sena akkademika 1839 bl-Istatut Fundamental tal-1838 magħmul minn Sir Gavinus Ignatius Bonavita li dam iservi sal-1887 meta sar ieħor ġdid li fassal l-istudji tal-Fakultajiet għaż-żmenijiet moderni. Kors wara l-ieħor ta’ studenti tat-teoloġija waslu għad-dottorat fit-Teoloġija. Wasal ukoll iż-żmien li l-Gvern Ingliż beda jibgħat lill-ewwel student ta’ kull kors tat-Teoloġija jistudja l-Università Gregorjana, Ruma. Kienu ilhom mikll-1884 imorru studenit Maltin jistuidjaw l-Gregorjana minn buthom. Meta dawn l-istudenti ġew minn Ruma, taw kontribut lill-istudji tal-Filosofija, tat-Teoloġija u tal-Liġi Kanonika. L-ismijiet ta’ dawn l-istudenti huma mfakkra fil-ktieb The Academic formation of priests in the University of Malta 1838-1938.

    Fil-25 ta’ Mejju 1931 l-Papa Piju XI ħareġ il-Kostituzzjoni Deus scientiarum Dominus li biha ried iżid l-istudju tat-Teoloġija fil-Fakultajiet u Universitajiet Pontifiċji. Is-Santa Sede bdiet relazzjonijiet diplomatiċi mal-Gvern Ingliż f’Malta biex l-Fakultà teoloġika ta’ Malta taġġorna ruħha għas-sistema aħjarta’ tagħlim tat-Teoloġija.  Ir-rieda tajba miż-żewġ naħat wasslithom għal ftehim perfett. B’hekk fiż-żmien tal-tieni gwerra dinjija u wara l-Università baqgħet tgħallem lill-istudenti tat-Teoloġija u thejjihom għaż-żmien tal-lum.

    F’The Academic formation of priests in the University of Malta 1838-1938 hemm l-ismijiet tal-181 saċerdot li ggradwa fit-Teoloġija bejn 1800-1833 u 1839-1936 u l-ministeru pastorali u l-ħidma kulturali, karitativa u reliġjuża li għamlu f’ħajjithom.

    Min fil-familja tiegħu jaf li kien hemm qassis li studja l-Università fiż-żmenijiet imsemmija, jista’ jkollu aktar tagħrif fuqu meta jkollu dan il-ktieb. Dun Frans Bonnici, li hu l-awtur tal-ktieb u jista’ jiġi kkuntattjat fuq [email protected] / 79994653, jieħu pjaċir ikun jaf aktar dwar dawn is-saċerdoti.