L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Bil-Malti għandna espressjoni li tgħid: “Kull deni ħudu b’ġid”. Ma nafx minn liema żmien ilna ngħiduha f’Malta, meta bdiet din l-espressjoni, imma żgur li l-ġrajja tan-Nawfraġju ta’ San Pawl turina proprju dan.

Hawnhekk naraw ġrajja li fil-bidu tagħha, u għal ħafna jiem, kienet ta’ deni kbir; maltempata kbira, tempesta li mhux biss tellfet id-direzzjoni ta’ fejn kienu sejrin – il-ġifen kien sejjer naħa u l-maltempata ġarritu n-naħa l-oħra – imma tant kienet qawwija li, jgħid il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, “tlifna kull tama li nsalvaw”. In-nies, 276 b’kollox, li kienu fuq il-ġifen tilfu kull tama li jsalvaw. Għal ħafna jiem ma rawx xemx u kwiekeb, raw biss il-baħar, u bil-biża’ li jispiċċaw jegħrqu fil-baħar.

Imma nafu li Alla, fil-provvidenza tiegħu, kif smajna fil-Ktieb tal-Għerf, daħal f’dak li hu ħażin – fid-deni – biex minnu joħroġ il-ġid, biex mill-ħażin joħroġ it-tajjeb. Għalhekk l-Atti tal-Appostli juri b’mod ċar li kien bil-providenza ta’ Alla li l-ġifen wasal hawn Malta. Ma kienx għax xi ħadd ippjana li jasal hawn, imma kien Alla li qalb din it-tempesta, qalb dan il-ħażin kollu, minnu joħroġ il-ġid għal dawk li kienu fuq il-ġifen għax salvaw, u l-Atti tal-Appostli dejjem jenfasizza li Alla jgħidilhom li se jsalvaw; imma mhux biss għalihom, imma l-aqwa ġid għalina.

L-isbaħ teżor

Illum għalhekk niċċelebraw bil-ferħ kbir il-ġrajja tan-Nawfraġju ta’ San Pawl. Filwaqt li naħseb ħadd fid-dinja ma jiċċelebra nawfraġju – ifakkar, iva nawfraġju li sar, imma mhux jiċċelebrah – aħna niċċelebrawh għax proprju mid-deni Alla ħareġ l-akbar ġid għall-Maltin ta’ dak iż-żmien u, bis-saħħa ta’ dan il-ġid, għalina lkoll tant snin wara. Meta nħarsu lura, kif għedna fis-Salm, aħna nfaħħru u nirringrazzjaw lil Alla għall-għeġubijiet tiegħu magħna. Alla għamel magħna ħwejjeġ kbar. Bis-saħħa ta’ San Pawl li spiċċa fuq din il-gżira, aħna rċevejna l-ikbar don, l-isbaħ teżor – it-teżor tal-fidi. San Pawl dam ftit hawnhekk, imma bil-kelma u bl-għemil wassal il-Bxara t-Tajba, wassal il-fejqan, u għen biex il-Maltin ikunu minn tal-ewwel li jħaddnu l-fidi fi Kristu ħaj.

San Pawl jgħidilna li hi ħaġa isbaħ li l-fidi li aħna nistqarru, u li hu ġabilna, ma nħalluhiex magħluqa hawn fil-knisja, imma ngħixuha tassew ’il barra mill-bibien tal-knisja

Għalhekk illum hi okkażjoni ta’ ringrazzjament kbir lil Alla għal dan id-don tal-fidi li ġie permezz ta’ dan in-Nawfraġju ta’ San Pawl fostna. Fl-istess waqt li nirringrazzjaw lil Alla, irridu nagħrfu llum ir-responsabbiltà li għandna li l-fidi tkun tassew l-isbaħ teżor f’ħajjitna; li l-fidi li ġabilna San Pawl tkun dik li tmexxina, li tagħtina d-direzzjoni fil-ħajja tagħna, li mhux biss nistqarruha bil-fomm, imma ngħixuha bil-fatti – b’li ngħidu u b’li nagħmlu.

Mhux magħluqa fil-knisja

Hi ħaġa sabiħa ħafna li aħna lkoll li nħobbu lil San Pawl, nixtiquh ma jibqax biss fil-knisja, imma jkun jista’ joħroġ ’il barra mill-knisja fit-triq. Li kien għalina, nixtiquh idur mat-toroq tal-Belt. Imma l-fatt li għallinqas joħroġ ’il barra mill-knisja juri li aħna nixtiequ li San Pawl ma jkunx biss għal ġol-knisja imma jkun għall-ħajja tagħna ta’ kuljum, ikun proprju fil-qalba tal-ħajja tagħna.

Ħaġa sabiħa din! Imma San Pawl jgħidilna li hi ħaġa isbaħ li l-fidi li aħna nistqarru, u li hu ġabilna, ma nħalluhiex magħluqa hawn fil-knisja, imma ngħixuha tassew ’il barra mill-bibien tal-knisja. Bħalma nixtiequ li l-istatwa toħroġ u ddur mat-toroq tal-Belt – u ħaġa sewwa li nixtiequ hekk – San Pawl jgħidilna kemm hu importanti li l-fidi li aħna nistqarru ngħixuha fit-toroq tagħna, fil-familji tagħna, fil-ħajja kollha tagħna ta’ kuljum, għax hemm tagħmel sens meta l-fidi li niċċelebraw hawn ngħixuha fil-ħajja ta’ kuljum.

Ma nibżgħux nuru li aħna Nsara

Għalhekk dawk il-valuri li joħorġu mill-fidi tagħna ma jibqgħux biss hawn ġew, għall-ħin li nkunu fil-knisja, biex nisimgħuhom u ngħidu “kemm huma sbieħ!”, imma li ngħixuhom tassew barra b’mod li aħna qatt ma nibżgħu nistqarru li aħna Nsara u nuru li aħna Nsara, u nagħmlu hekk bil-ħajja ta’ kuljum kull fejn inkunu. Dak hu l-akbar messaġġ li jagħtina San Pawl f’din il-festa tiegħu. Il-fidi li hi l-isbaħ teżor irridu ngħixuha, nuruha fl-għemil.

Dan hu li nitolbuh illum fil-festa kbira tiegħu: li qatt ma nibżgħu nistqarru dak li nemmnu, u biex l-għażliet li jmexxuna fil-ħajja tagħna jkunu mdawla minn dak li nemmnu. Mhux nemmnu hawnhekk ħaġa, imbagħad fis-soċjetà l-għażliet li nagħmlu jkunu mifruda minn dak li nemmnu, imma jkun hemm l-għaqda, kif għallimna San Pawl, kif xtaq minna San Pawl, u kif tassew irridu llum ngħidulu fil-festa tiegħu li nieħdu dan l-impenn għall-ħajja tagħna.

B’dal-mod, il-fidi nkunu nistgħu ngħadduha wkoll lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Meta nħarsu lejn din il-festa, naqraw mill-Atti tal-Appostli din il-ġrajja ta’ tant u tant snin ilu. Naqrawha bi gratitudni, imma rridu nkomplu niċċelebrawha billi ngħadduha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. U ngħadduhielhom bħala l-isbaħ don, l-isbaħ teżor għall-ħajja tagħhom. Hekk ikollha tassew sens din il-festa li niċċelebraw lil San Pawl, hekk tilħaq tassew l-iskop tagħha l-festa, meta jkollna dan l-impenn li ngħaddu l-fidi lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, lit-tfal u ż-żgħażagħ illum ħalli huma wkoll jiskopru kemm il-fidi tagħmel ġid – tagħti sens lill-ħajja tagħhom u tagħmel il-ġid lis-soċjetà.

Ġid lis-soċjetà Maltija

Meta tħares lura lejn l-Istorja ta’ Malta, tara kemm nies ispirati mill-fidi għamlu ġid lis-soċjetà. Nafu ħafna minnhom, imma l-parti kbira tagħhom ma nafuhomx b’isimhom; imma nafu kemm ġid sar lis-soċjetà Maltija min-nies ispirati mill-fidi li ġabilna San Pawl. U hekk għandna nagħmlu aħna wkoll: li ngħinu lill-ġenerazzjonijiet futuri biex jagħrfu kemm il-fidi tista’ tgħinhom fil-ħajja tagħhom, għax Alla dejjem jagħmel il-ġid fil-ħajja tagħhom. Alla dejjem jagħmel il-ħajja isbaħ u aħjar, u jgħinna biex il-ħajja tagħna tkun tassew fil-paċi u l-ferħ tiegħu.

Nitolbu llum lil San Pawl, meta niċċelebraw il-festa tiegħu bi kbir imma wkoll b’dan l-impenn: biex lilna jgħinna ħalli dejjem inkunu grati lejn Alla għad-don tal-fidi, ngħożżu l-fidi bħala l-isbaħ teżor, u ngħaddu l-fidi lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna bħala l-isbaħ don li Alla jagħti lis-soċjetà Maltija.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju