Għadd ta’ voluntiera mill-grupp Camini…amo mxew il-Pellegrinaġġ ta’ San Ġakbu magħruf aħjar bħala l-Camino de Santiago fir-reġjun tal-Galizia, fit-Tramuntana ta’ Spanja. Permezz tal-isforzi tal-pellegrini nfushom kif ukoll permezz tal-kuntatti tagħhom, inġabret is-somma ta’ €15,000 b’risq Fondazzjoni Sebħ. Il-fondi se jappoġġjaw diversi proġetti ta’ din l-entità tal-Knisja u se jgħinu biex jintlaħqu xi wħud mill-bżonnijiet tat-tfal, adolexxenti u nisa li jgħixu fir-residenzi tal-fondazzjoni.

Il-motto tal-pellegrinaġġ ta’ din is-sena għal darb’oħra kien ‘Kull Pass Jgħodd’. Dan il-motto jirrifletti l-pellegrinaġġ innifsu li jirrappreżenta simbolikament il-passi ta’ kuljum li jieħdu n-nies f’ħajjithom kif ukoll kull donazzjoni żgħira li tmur lejn il-fondazzjoni. Qabel ma l-pellegrini bdew il-vjaġġ tagħhom, Fondazzjoni Sebħ organizzat il-quddiesa tradizzjonali (Send-Off Mass) immexxija minn Mons. Charles Cordina, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, fil-Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun. Waqt il-quddiesa, Mons. Charles Cordina rringrazzja lil Alla għal voluntiera bħal dawn li bis-sagrafiċċji u l-isforzi tagħhom qed jgħinu lil Fondazzjoni Sebħ fil-ħidma tagħha. Mons. Cordina esprima wkoll it-tama li minbarra d-donazzjonijiet monetarji, il-pellegrini parteċipanti jibbenefikaw ukoll mill-esperjenza.

Il-pellegrini mxew il-Camino dos Faros u mbagħad marru lejn Santiago de Compostela għal distanza totali ta’ 320km biex jattendu quddiesa fil-Katidral ta’ San Ġakbu li matulha twettqet il-funzjoni tal-Botafumerio għal dawk kollha preżenti.

Ir-rotta ta’ 11-il jum ħadet il-pellegrini tul il-kosta sabiħa tat-Tramuntana ta’ Spanja, bajjiet  imrammla u kampanja spettakolari. Il-pellegrini kellhom diversi sfidi fosthom ħafna telgħat u nżul ibsin. Fondazzjoni Sebħ, f’isem ir-residenti u l-persuni li jagħmlu użu mis-servizz, hi grata għall-appoġġ u l-altruwiżmu tal-pellegrini Camini….amo.

Kull min jixtieq jagħti donazzjoni lil Fondazioni Sebħ jista’ jagħmel dan permezz ta’ SMS fuq 50618950 għal €6.99, 50619220 għal €11.65, permezz ta’ PayPal – paypal.me/FondazzjoniSebh jew bil-BOV Pay fuq +356 79375660. Kull min jixtieq jikkuntattja lil Fondazzjoni Sebħ jista’ jibgħat email lil [email protected] jew iċempel fuq 22470900.