• Kummissjoni Djoċesana għall-Pastorali mal-Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa

  • Il-Knisja f’Malta nediet Kummissjoni għall-pastorali mal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, fi ħdan is-Segretarjat għal-Lajċi. L-iskop ta’ din il-kummissjoni hu li tgħin fil-kura pastorali tal-professjonisti u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, billi tippromwovi l-valuri nsara fil-kura tal-persuni vulnerabbli.

    Huwa fatt magħruf li l-misteru tat-tbatija jista’ jaffettwa mhux biss il-persuna li ġġarrab it-tbatija imma wkoll lill-istess ħaddiem li jagħti l-kura. Barra minn għajja fiżika, it-tbatija tista’ iġġib problemi u bżonnijiet psikoloġiċi, soċjali u spiritwali, kif ukoll diffikultajiet etiċi li jitolbu attenzjoni kbira biex tinżamm id-dinjità tal-persuna. Min-naħa l-oħra, mit-tbatija jista’ joħroġ il-ġid. X’jaf min ma ġarrabx? It-tbatija tista’ tkun mezz ta’ riflessjoni fuq il-ħajja personali u spiritwali, sew tal-marid kif ukoll tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa.

    Il-Kummissjoni għall-Pastorali mal-Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa hija ffurmata mill-professjonisti. Dawn huma: Mrs Josephine Attard (Chairperson); il-Prof. Donia Baldacchino; Mr Reggie Aquilina; Dr Nazzaren Azzopardi; Mr Carmel Farrugia; Mrs Tessie Gauci; Ms Eleonor Grech; Dr Stephen Zammit; u Rev. Dr Ray Zammit.

    L-ewwel attività tal-Kummissjoni ser tkun laqgħa għall-professjonisti u ħaddiema fil-kura tas-saħħa fl-isptarijiet, fid-djar tal-anzjani, fil-komunità u ċ-ċentri tas-saħħa. It-tema ta’ dan il-Forum hija “Il-Kura b’wiċċ uman: inħaddnu bl-imħabba l-valuri”. Id-diskors ewlieni ser isir mill-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, li fil-15 ta’ Awwissu 2013 ħareġ Ittra Pastorali bit-tema ‘Il-Knisja hija qrib il-morda’. Il-Forum ser jiġi organizzat waqt il-brejk tal-istaff nhar it-Tlieta 4 ta’ Frar, bejn nofsinhar u s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, fis-South Auditorium tal-Isptar Mater Dei. Dakinhar, il-Kummissjoni ser tqassam kwestjonarju biex titlob is-suġġerimenti dwar kif il-ħidma pastorali tal-Kummissjoni tista’ titwettaq għall-ġid tal-ħaddiema u tal-persuni vulnerabbli.
    Din il-Kummissjoni hija f’kuntatt mal-Kunsill Pontifiċju għall-Pastorali tal-Kura tas-Saħħa fil-Vatikan, li jgħin biex permezz tat-tagħlim tal-Knisja u tal-konferenzi annwali, jissaħħu l-valuri nsara fil-kura tas-saħħa.