L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lill-ġenituri u l-katekisti, il-kappillan li għamlu mod  biex niltaqgħu flimkien illejla. Nixtieq nirringrazzja ħafna lil kull min ħa sehem, lill-kor, anke liż-żgħażagħ li għamlu l-pageant.

Jiena nixtieq nagħtikom suġġeriment u nieqaf bih. Din is-sena, meta taħsbu fir-rigali, ftakru xi tfisser il-kelma ‘present’. Xi tfisser il-kelma ‘present’? Rigal! Imma l-kelma ‘present’ tfisser: jiena hawn. Aħna meta konna żgħar l-għalliema kienet tgħid: ‘Charles Scicluna?’ ‘Present’ Ġieli tagħmlu hekk intom? Illum ma nafx x’tgħidu. Imma aħna hekk konna ngħidu: ‘Present Sir, present Miss’. Għax il-‘present’ huwa: jiena hawn. Bil-Franċiż, bl-Ingliż, bit-Taljan presente, jiena hawn. Jiena nixtieq inkun parti minn ħajtek. Meta jien nagħtik present, dan ifisser. U Ġesù  huwa l-present ta’ Alla għalina, għalhekk Alla magħna. U għalhekk aħna nagħtu l-presents lil xulxin biex nagħmlu fiċ-ċokon dak li Alla għamel magħna. Mela mhux biss dak li se nieħu, imma anke dak li se nagħti.

Xi ħaġa oħra. Meta niċċelebraw il-birthday ta’ Ġesù? Mela aħna fil-25 ta’ Diċembru lil Ġesù ngħidulu ‘Happy Birthday’. Imma issa nixtieqkom tgħidu xi ħaġa oħra. Tħarsu lejn il-mamà tiegħu. X’jisimha l-mamà ta’ Ġesù? Marija! U tgħidulha grazzi, grazzi talli tajtna lil Ġesù. Issa jiena nixtieq li meta intom ikollkom il-birthday tmorru għand il-ġenituri tagħkom, speċjalment il-mamà (il-papà ma jiħux għalih) speċjalment il-mamà u tgħidulha ‘thank you’. Tgħidulha thank you, ftakruha din għax jiġi żmien meta ma tkunx tista’ tgħidha iżjed, ħlief fix-xirka tal-qaddisin. Jiena tgħallimt – issa l-papa tiegħi m’għadux magħna – imma lħaqt għamiltha, fil-birthday tiegħi lill-ġenituri tiegħi nagħtihom thank you card. Jiena nieħu pjaċir nirċievi l-birthday cards imma tgħallimt li meta nagħlaq snini, lil ommi u ’l missieri nagħtihom thank you card għax huma ġabuni fid-dinja. Issa l-Madonna ġabet lil Ġesù fid-dinja u ngħidulha thank you wkoll.

Il-Ħadd li ġej se nagħmlu festa kbira tal-Madonna, il-Madonna safja, bla tebgħa mit-tnissil tagħha! Alla ħoloq mara sabiħa minn barra u minn ġewwa biex minnha jitwieled Ġesù. Dik il-festa li se nagħmlu l-Ħadd li ġej.

U nagħlaq bil-festa li qed nagħmlu llum. Illum qed nagħmlu l-festa ta’ Fr Christmas, San  Nikola, Santa Klaws. San Nikola kien isqof, li kien iħobb ħafna lit-tfal u liż-żgħażagħ, u għalhekk sar il-patrun ta’ dawn il-festi li jfakkruna li nieħdu ħsieb xulxin u li nkunu rigal għal xulxin. Mela Fr Christmas mhux dak ir-raġel oħxon qisu l-Isqof Charles bil-barnuża u d-daqna, imma huwa isqof li ta ħajtu għall-merħla tiegħu, Santa Klaws – San Nikola. Illum il-festa ta’ San Nikola. Nieqaf hawn.

Nawguralkom mill-qalb Milied ħieni. Il-Milied it-Tajjeb!

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti