Ritratt: Kunvent Dumnikan tal-Lunzjata, il-Birgu

Imut id-Dumnikan Patri Marius Zerafa Boffa OP fl-età ta’ 93 sena. Il-funeral tiegħu se jsir għada t-Tlieta 25 ta’ Ottubru fid-9:30am. Fit-8:30am il-katavru jkun espost fil-Kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu, Tas-Sliema. Fid-9:15am jibda l-korteo u wara ssir quddiesa fil-Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu. Id-difna se ssir fil-qabar tal-Provinċja Dumnikana, fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Patri Marius għex ħajtu mdawwar bl-arti sagra. Kien għamel żmien twil kien direttur tal-mużewijiet f’Malta, awtur ta’ diversi kotba fuq l-arti sagra, lettur u restawratur ta’ pitturi ta’ arti sagri, fosthom ta’ Mattia Preti u Antoine de Favray.

Gradwa fost l-oħrajn mill-universitajiet ta’ Roma, Londra, Ecole de Louvre f’Pariġi u Brera f’Milan waqt li wara ħa d-dottorat mill-Università ta’ Firenze (1968).

Onorat minn diversi istituzzjonijiet tal-Arti fosthom mir-Royal Historical Society, Londra. Hu ngħata ‘Chevalier dans l’Ordre des Arts et des Lettres’, ‘Order of Lomonosov’ mir-Russja, ‘Insignia of Merit’, u l-medalja ta’ ‘Beato Angelico’. Hu ngħata wkoll it-titlu ta’ ‘Cavaliere di grazia magistrale’.

Madankollu Patri Zerafa jibqa’ magħruf għall-episodju li seħħ fid-29 ta’ Diċembru tal-1984 fejn tliet persuni mgħammda daħlu u serqu l-pittura ta’ San Ġilormu ta’ Caravaggio. Kien biss bl-intervent ta’ Patri Zerafa u n-negozjati li għamel mal-ħallelin li l-pittura tal-Caravaggio reġgħet irritornat lura fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Sors: Newsbook.com.mt