• Fl-alfabett tal-ħolqien it-tfal huma rigal prezzjuż. Fit-tradizzjoni qawwija, mhux biss tar-reliġjon imma anke tal-kultura tagħna, il-poplu Malti u Għawdxi dejjem laqa’ t-tfal bħala rigal kbir tal-Ħallieq.

    Ix-xewqa għat-tfal hija xewqa qaddisa, u dak kollu li nistgħu nagħmlu biex ngħinu lill-koppji li ma jistax ikollhom tfal biex ikunu jistgħu jħaddnu l-ulied huwa ta’ min ifaħħru u jbierku. Il-Knisja dejjem tat l-appoġġ tagħha lix-xjenza li minflok tieħu post il-proċess naturali tat-tnissil, tipprova tiffaċilitah.

    Id-dinjità ta’ dan il-proċess tat-tnissil u t-twelid tat-tfal jitlob li jkunu frott l-att tal-imħabba bejn il-missier u l-omm bijoloġiċi tat-tarbija. Meta aħna nibdew nitkellmu dwar irġiel u nisa li jagħtu ċ-ċelloli tat-tnissil tagħhom lill-oħrajn, qegħdin infarrku din l-għaqda importanti bejn l-att tal-imħabba tal-miżżewġin u t-tnissil tal-ulied.

    Minn meta ż-żerriegħa tar-raġel u l-bajda tal-mara jingħaqdu flimkien, tibda l-ħajja umana u l-ħolqien li jitnissel insejħulu embrijun. L-embrijun, li huwa ħajja umana fl-istadji bikrin tagħha, għandu d-dinjità tiegħu. Meta aħna niffriżaw embrijun qegħdin inċaħħdu lil ħajja umana mill-iżvilupp naturali tagħha u qegħdin ukoll inpoġġuha fil-periklu li, fi proċess biex titneħħa l-friża, hija tista’ tmut.

    Hemm ukoll problemi meta aħna nikkontemplaw it-tqala ta’ mara b’embrijun li mhuwiex frott tal-imħabba tagħha imma sempliċement huwa mod kif qed toffri l-ġuf tagħha lil ħaddieħor. It-tarbija li tikber fil-ġuf tagħha se jkollha rabta qawwija ma’ din il-mara u ma nistgħux naħsbu biżżejjed fl-effetti tad-distakk tat-tarbija mill-ġuf li fiha kibret u l-effetti wkoll fuq l-omm li jkollha tiċċaħħad mit-tarbija li welldet.

    Huwa d-dover tagħna li niddefendu l-vuċi ta’ dawn it-tfal li għadhom kif jitnisslu, ta’ dawn l-embrijuni li għad m’għandhomx vuċi.

    It-tfal li ma jafux minn fejn ġiet iż-żerriegħa ta’ missierhom jew il-bajda ta’ ommhom huma orfni għaliex m’għandhomx aċċess għall-identità bijoloġika u kulturali tal-veru ġenituri tagħhom.

    Aħna nħossu li dan mhuwiex rispett lejn id-dinjità ta’ dawn it-tfal li se jitwieldu. Inħossu wkoll li kull tarbija għandha dritt li tkun taf min huma mhux biss il-ġenituri naturali tagħha, imma wkoll in-nanniet, iz-zijiet u l-kuġini tagħha. Aħna nitwieldu f’familja, familja estiża.

    Bit-teknoloġija li l-Istat jixtieq jawtorizza qegħdin infarrku l-alfabett tal-ħolqien li jippromwovi t-twelid ta’ ħajja ġdida fil-kuntest tal-imħabba tal-ġenituri naturali u fil-kuntest ta’ familja kbira, estiża. Mhux kull ma nistgħu nagħmlu għandna nagħmluh. Huwa d-dover tagħna li niddefendu l-vuċi ta’ dawn it-tfal li għadhom kif jitnisslu, ta’ dawn l-embrijuni li għad m’għandhomx vuċi.

     Charles J. Scicluna                                                          
         Arċisqof ta’ Malta

    Aqra l-istqarrija tal-Isqfijiet Maltin: www.knisja.org/FavurilHajja