L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jindirizza din il-parabbola lill-kapijiet, lill-Fariżej. Jagħti isem lill-fqajjar: “wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda” (Lq 16:20). Nafu li wieħed mill-ħbieb kbar ta’ Ġesù, kien jismu Lazzru. Ma nafux jekk il-qalb ta’ Ġesù, ftakritx fil-ħabib tiegħu, ħu Marta u Marija, meta ried jagħti isem lil dan il-fqir.

L-għani m’għandux isem. It-tradizzjoni tagħtih hi stess bil-Latin dives, imma dives hi ‘għani’. L-għani jibqa’ anonimu, bla isem. B’xi mod nistgħu fih nistgħu naraw lilna nfusna, fit-tentazzjoni li noħolqu distanza bejnna u bejn min iħabbat fuq il-bieb tad-dar tagħna.

“Wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru” (Lq 16:20). Il-bieb tad-dar tagħna hu l-bieb li jagħti għad-dinjità tagħna; għall-ambjent li fih noqogħdu komdi, il-comfort zone tagħna. Dan il-fqir kien ikun fil-bieb tad-dar tal-għani. Ix-xewqa ta’ Lazzru l-fqir kienet “li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani” (Lq 16:21) u jixba’ miż-żejjed tal-għani. L-uniku wens li kellu kienu l-klieb “li kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu” (Lq 16:21). Ix-xena li jippreżentalna Ġesù, tibqa’ attwali: jekk inħarsu lejn il-Libja, jekk inħarsu lejn is-sitwazzjoni ta’ faqar tremend fil-Jemen. X’ngħidu għall-Ukrajna, f’dawn il-ġranet. Aħna x’se nagħmlu?

Jimpressjonani l-fatt, li meta Abraham meta jidħol fid-djalogu mal-għani bla isem, jispjegalu li bejn Abraham u Lazzru, li issa daħal fil-faraġ li kien jistħoqqlu, u dan l-għani li qiegħed f’turmenti kbar “hemm vojt bla qies” (Lq 16:26) – abbiss. Dan l-abbiss, il-vojt bla qies, b’xi mod hu mera tad-distanza li ħoloq l-għani, meta kien iħares lejn Lazzru. B’xi mod aħna hawnhekk ninvestu f’xi ħaġa li mbagħad, fit-tajjeb u f’inqas tajjeb, insibuha kibret u xxetlet fl-eternità. L-abbiss li noħolqu, nsibuh jistenniena. Huma kliem li jġegħluna naħsbu.

Fr Peter sema’ l-kelma b’qalb tajba u sinċiera, bl-għaraq tal-isforzi umani, psikoloġiċi u intelletwali tiegħu żera’ ħafna għerf, ġid u tagħlim

Kull meta nżur il-qabar ta’ Fr Peter, timpressjonani dik il-kitba, li b’xi mod, iżjed ma taqraha, iżjed iġġiegħlek taħseb; fuq il-‘jien’, li bis-setgħat tiegħu, fil-ħajja, bir-regola taż-żmien jiċkien. Alla f’ħin minnhom, minn dak il-vojt joħloq spazju minn fejn jgħaddi d-dawl, minn fejn tgħaddi d-dija tiegħu. Forsi dak it-tyre li hemm ukoll fuq il-monument ta’ Peter hu proprju tieqa fuq l-eternità, tieqa fuq misteru kbir li qed jistenniena, imma li b’xi mod ninsġu minn hawnhekk.

Wieħed forsi mill-affarijiet li jgħallimna dan l-Evanġelju profond; din il-parabbola li jagħtina l-Evanġelju ta’ San Luqa, hi l-ġenna jew l-infern nibdew ninsġuhom minn hawnhekk, mir-relazzjonijiet, u permezz tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Għax wara kollox, il-ġudizzju dan se jkun: “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni” (Mt 25:35-36). Kif ġibtu ruħkom bejnietkom ma’ xulxin?

Il-ġenna mhux premju, bħalma kien ikollna fil-prize day; għalkemm dawk spiċċaw ukoll. Imma hi xi ħaġa li inti tikkopera b’mod attiv fil-ħajja tiegħek, fl-għażliet ta’ kull wieħed u waħda minna.

Illum fl-10 anniversarju minn meta l-Mulej sejjaħ lil Fr Peter għal ħdanu; aħna wkoll nirringrazzjaw lil Alla, ta’ dak kollu li l-Mulej niseġ permezz ta’ Fr Peter, fil-moħħ u fil-qalb ta’ tant nies, ta’ wħud minna, ta’ ħafna minna. Dak kollu li għamel fis-soċjetà Maltija bil-kontribut li ta lil pajjiż. Forsi m’aħniex kapaċi nixtarru u napprezzaw dan il-kontribut kollu, imma nħallu f’idejn Alla. Bħalma llum, nitolbu ukoll lill-Mulej biex ikompli jitfa’ l-ħarsa ta’ ħniena tiegħu fuq Fr Peter. Qegħdin nagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni fiż-żmien, f’ħin ta’ ħajja. Imma Fr Peter qiegħed lil hinn miż-żmien. Dan hu l-misteru kbir ta’ kull quddiesa li niċċelebraw. Niċċelebrawha fiż-żmien, imma l-fidi tagħna tgħallimna li għandha efikaċi, effett, lil hinn miż-żmien. Kategorija ta’ żmien u tal-ispazju, jintilfu f’kull Ewkaristija li niċċelebraw. Wara kollox fl-Ewkaristija qegħdin inġeddu għax it-tifkira din hi: li nġeddu l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Aħna qegħdin noffruhom, dan il-misteru ta’ mħabba tal-Mulej, b’suffraġju għal ħuna Fr Peter.

Henjin “dawk li jisimgħu l-kelma b’qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ” (Lq 8:15). Din is-silta minn kapitlu 8 tal-Evanġelju skont San Luqa, hi wkoll it-talba tal-Knisja, li llum tgħodd ħafna għal Fr Peter. Sema’ l-kelma b’qalb tajba u sinċiera, bl-għaraq tal-isforzi umani, psikoloġiċi u intelletwali tiegħu żera’ ħafna għerf, ġid u tagħlim; u kien ukoll kuxjenza li ċċaqlaqna. Kemm għandna bżonn nies, li bil-mod ġwejjed u għaref, jafu jagħtuna ftit skossatura ’l hawn u ’l hemm. Jalla l-Mulej ikompli jberikna b’nies bħal dawn.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 17:5-10
Salm: 1:1-2,3,4 u 6
L-Evanġelju: Lq 16:19-31