L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona ngħata l-Palma tad-Deheb ta’ Ġerusalemm b’għarfien għas-servizz li ta lill-Knisja. Hu ngħata dan l-unur waqt l-investitura tal-Ordni Ekwestri tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm, li saret is-Sibt, 6 ta’ Novembru, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Il-Palma tad-Deheb hi meqjusa bħala l-ogħla unur fl-ordni. Wara, l-Arċisqof Emeritu kkonċelebra quddiesa mal-Arċisqof Charles Scicluna. Il-quddiesa tmexxiet mill-Kardinal Fernando Filoni, li hu Gran Mastru tal-istess ordni. Matul l-istess ċerimonja n-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico ngħata s-Salib tal-Mertu u l-Istilla tal-Fidda tal-ordni.

L-Ordni Ekwestri tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm twaqqfet uffiċjalment f’Malta fl-1996 għalkemm ilha preżenti f’Malta minn nofs is-seklu 18. Il-missjoni tagħha hi li tħaddan u tipprattika l-fidi Nisranija b’fedeltà sħiħa lejn il-Papa bi proġetti varji matul is-sena.