• Nhar il-Ħamis 27 t’Awwissu 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna għadda l-Omelija waqt Velja ta’ Talb għal Mons. George Bugeja, l-Isqof-Elett għall-Libja. Il-Velja ta’ Talb saret fil-Parroċċa ta’ Marija Bambina fix-Xagħra, Għawdex.

    L-Omelija tal-Arċisqof

  • Parroċċa tax-Xagħra, Għawdex
    27 ta’ Awwissu 2015
    Eċċellenza għażiż ħija Mario fl-Episkopat, għażiż Patri George, 
    Ejjew, kif inġbarna llum nitolbu għall-Isqof magħżul, l-għażiż Patri George, nirriflettu ftit fuq żewġ mumenti mill-kelma t’Alla li għadna kemm smajna.
    “Dawn li qegħdin jitkellmu, kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu b-ilsien art twelidna? (Atti 2, 7-8). Din kienet il-mistoqsija li l-ġgajta li nġabret għall-esperjenza straordinarja ta’ Pentekoste staqsiet lilha nfisha. Pietru ħareġ jitkellem u kulħadd beda jisimgħu jitkellem bl-ilsien tiegħu. X’inhu dan il-lingwaġġ li jifhmu kulħadd? Huwa l-lingwaġġ fundamentali tal-imħabba u l-ħniena. 
    U inti, Patri George, mibgħut f’art għażiża li għandha rabtiet antiki ma’ Malta, għaliex sa’ minn żmien San Girgor il-Kbir, l-Isqof ta’ Malta kien ukoll jieħu ħsieb ta’ Tripli wkoll, f’pajjiż b’diffikultajiet kbar, li għandu bżonn u għatx kbir għall-Kelma u l-lingwaġġ tal-imħabba. Inti ġejt mibgħut f’sitwazzjoni u f’pajjiż b’diffikultajiet kbar li għandu għatx kbir għall-kelma u l-lingwaġġ tal-imħabba. 
    Ir-Ragħaj kif iħobb? Billi jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. X’lingwaġġ se tuża’ int bħala Isqof, jekk mhux il-lingwaġġ li għallimna Ġesu li għadda fostna jgħallem, ifejjaq il-morda u jkeċċi x-xjaten? Il-qawwa mhijiex tiegħek imma ta’ Ġesu. 
    Mhux bilfors tista’ titkellem bl-iżjed mod apert, imma l-lingwaġġ tal-imħabba li jwassal tant ġid madwar id-dinja, huwa dak li l-Mulej qiegħed jistiednek għalih. Il-Libja għandha bżonn tirxoxta!  
    Nawguralek, għażiż ħija, li inti fl-Episkopat tiegħek tgħin lill-merħla tiegħek fil-qasam tal-edukazzjoni u tas-saħħa, fil-qasam tal-karità li joħloq pontijiet bejn ir-reliġjonijiet u bejn il-kultura. 
    Inti msejjaħ tkun xhud tal-imħabba ta’ Ġesù Kristu għal kull bniedem. Inti trid tkun, biex nuża’ espressjoni feliċi mill-Ittra pastorali tal-Isqof Mario f’Santa Marija, dak “il-balzmu tal-ħniena” fejn hemm biss il-ġerħat tal-mibegħda u tal-kefrija. 
    Inti bħala motto għażilt talba lil Verġni Marija: Taħt il-Ħarsien Tiegħek, Sub Tuum Praesidium, u aħna nafdawk f’idejn qawwija, materni u viġilanti ta’ Ommna Marija. 
    Fl-arma tiegħek għandek ukoll żewġ anġli. Kun int ukoll l-anġlu li twassal ix-xhieda sabiħa tal-Evanġelju, bħalma għamel Franġisku, il-missier spiritwali tiegħek; u li dewweb il-qalb iebsa tas-sultan bil-faqar tiegħu, bis-sempliċita u l-onesta tiegħu. 
    Il-Mulej ukoll jagħtik il-faraġ tal-lealtà ta’ min jaħdem miegħek u jagħmel li l-Episkopat tiegħek iħalli l-frott. 
    Aħna nwegħduk it-talb tagħna, u kif qegħdin nagħmlu hawn bi ħġarna l-lejla, kun af li t-talb tagħna sa jakkompanjak dejjem. Il-Mulej iħarsek, isawwab fuqek l-għerf qaddis tiegħu u jagħtik l-għajnuna li jkollok bżonn minn jum għall-ieħor. 
    Ħares lejh, ir-Ragħaj it-tajjeb u sabiħ, li jiġbed il-bnedmin lejh min fuq is-salib. Minn qalb minfuda tiegħu ħarġu d-demm u l-ilma li jmantnuna u jippurifikawna. Agħmel li mill-qalb tiegħek joħorġu l-għajn ta’ tama għall-poplu tiegħek fil-Libja. Imma tinsiex li f’din il-gżira mbierka ta’ Għawdex u fil-gżira ta’ Malta għandek poplu li jħobbok u li jsegwik b’kura u viġilanza speċjali.
     

    + Charles J. Scicluna

       Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratt: Parroċċa Xagħra