L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Claude Portelli bħala Delegat għall-Kultura, bir-responsabbiltà wkoll tar-riġenerazzjoni tal-Istitut Kattoliku, fil-Furjana. Monsinjur Arċisqof irringrazzja lil Mons. Ġwann Galea ta’ 22 sena servizz bħala direttur tal-Istitut Kattoliku.

Dun Claude rċieva l-formazzjoni edukattiva tiegħu fil-Kulleġġ St Edward’s, il-Birgu. Huwa rċieva l-formazzjoni saċerdotali fis-Seminarju tal-Arċisqof tal-Virtù kif ukoll fil-fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, fejn iggradwa fil-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali. Huwa ġie ordnat saċerdot fit-28 ta’ Lulju 2002. Dun Claude kellu l-ewwel esperjenza pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ Marija Assunta f’Ħal Għaxaq. F’Lulju tal-2003 inħatar viċi kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġiljan u fl-2009 inħatar kappillan tal-istess parroċċa. Huwa temm il-ħidma tiegħu bħala kappillan f’Ġunju 2022.

Id-Delegat għall-Kultura għandu l-missjoni li joħloq djalogu bejn il-Knisja f’Malta u l-qasam tal-kultura.