Illejla, waqt il‑Vġili Solenni tal‑Qawmien tal‑Mulej mill‑Imwiet fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra s‑Sagramenti tad‑Dħul fil‑Ħajja Nisranija (Magħmudija, Griżma u Tqarbin) lil tmien katekumeni, jiġifieri persuni li f’età adulta jagħżlu l‑ħajja Nisranija.

It‑tmien adulti, li llejla b’dawn is‑sagramenti ser isiru wlied Alla u membri ġodda tal‑Knisja Kattolika, huma minn seba’ pajjiżi differenti: Malta, iċ‑Ċina, l‑Ungerija, Spanja, ir‑Repubblika Ċeka, ir‑Russja u t‑Turkija.

Matul ir‑Randan, dawn il‑persuni ltaqgħu mal‑Arċisqof Scicluna bi tħejjija għal dan il‑mument importanti f’ħajjithom. Waħda minn dawn il‑katekumeni hi mara 43 sena li ġiet Malta sentejn ilu biex titgħallem l‑Ingliż. Minkejja li trabbiet f’pajjiż Musulman, ommha, li hija Nisranija, għaddietilha t‑tagħlim u l‑valuri Nsara. Cristina dejjem kellha xewqa kbira li tħaddan il‑fidi Nisranija. F’Malta ltaqgħet mas‑sorijiet Dumnikani li introduċewha ma’ katekista mill‑parroċċa ta’ Ħal Lija li qed takkumpanjaha f’din il‑mixja ta’ fidi li ser twassalha biex issir membru ġdid tal‑Knisja Kattolika.

Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Vġili tal‑Għid li tibda fit‑8pm tinkludi: it‑tberik tan‑nar li jsir fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral u jkompli bit‑tħabbira tal‑Għid; il‑qari ta’ siltiet mill‑Kotba Mqaddsa u l‑kant tal‑Glorja; it‑tberik tal‑ilma, meta l‑blandun mixgħul minn nar imbierek fuq iz‑zuntier jiddaħħal fl‑ilma; u l‑liturġija tal‑Ewkaristija.

Bl‑ilma mbierek jitgħammdu l‑katekumeni li jirċievu wkoll il‑Griżma tal‑Isqof biż‑żejt tal‑Griżma li ġie kkonsagrat nhar Ħamis ix‑Xirka filgħodu. Waqt l‑istess Vġili, l‑imgħammdin ġodda jirċievu t‑Tqarbin. Fil‑Knisja Kattolika dawn is‑sagramenti huma l‑pedament li fuqhom tinbena l‑ħajja tal‑membri tagħha u li jħejju t‑triq għas‑sagramenti l‑oħra.