• Nhar il-Ħadd 17 ta’ Jannar 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa f’Jum il-Migranti u r-Refuġati, fil-Kappella tar-Ragħaj it-Tajjeb, Ħal Balzan, flimkien mal-komunita Ertireana f’Malta.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

    Kappella tar-Ragħaj it-Tajjeb, Ħal-Balzan
    17 ta’ Jannar 2016
    Dan l-episodju tal-ewwel sinjal ta’ Ġesù waqt it-tieġ f’Kana tal-Galilija, jikkonkludi serje ta’ tliet episodji li aħna niċċelebraw fil-Milied li fihom il-Mulej Ġesù juri lilu nnifsu lill-ġnus, lill-bnedmin u lid-dixxipli. 

    L-ewwel episodju li qed nirrreferi għalih huwa ż-żjara tas-Slaten Maġi. Ġew mill-bogħod, ġew mil-Lvant ifittxu li jqimu u jaduraw lis-sultan tal-Lhud li kien twieled. Dik il-festa aħna nsejħulha l-Epifanija: il-Mulej li juri lilu nnifsu lill-ġnus. U jien, meta nara l-uċuħ tagħkom, ħuti, nara wkoll l-uċuħ tas-slaten Maġi ġejjin mill-bogħod ifittxu li jaduraw lill-Mulej Ġesù. Is-slaten Maġi ġabu magħom ir-rigali ta’ deheb, inċens, u mirra, u bir-rigali tagħhom ħabbru u xandru li l-Mulej huwa Sultan, li l-Mulej huwa Iben Alla, li l-Mulej huwa wkoll bin il-bniedem.

    It-tieni episodju huwa l-episodju li ċċelebrajna l-Ħadd li għadda, tal-Magħmudija tal-Mulej. Mela dawn l-episodji huma mqassmin fuq tliet Ħdud. Fil-Magħmudija tal-Mulej, il-Mulej, għax issa għandu tletin sena, mhux biss tarbija imma kiber, ta’ tletin sena fil-bidu tal-missjoni tiegħu, juri lilu nnifsu lilna l-bnedmin bħala wieħed minna – li jinżel fl-ilma ta’ l-indiema magħna u bħalna, aħna li għandna bżonn l-indiema, u jerfagħna.

    Hu jitħallat magħna, aħna min aħna, hi x’inhi il-kulur tal-ġilda tagħna. Daħal fil-kju ta’ dawk li kienu jistennew il-magħmudija tal-indiema. Hu kien għadu fl-ilma, il-Missier tas-Sema jgħidlu: “Ibni int, fik sibt il-għaxqa tiegħi” (Lq 3, 2). U din il-kelma l-Mulej Alla jagħmilha u jgħidha fuq kulħadd, hu min hu, inti minn fejn ġej: inti iben Alla.

    Kemm hi ħaġa sabiħa li meta persuna tixref fuq ix-xtut tagħna, l-ewwel li naraw mhux kemm għandha flus fil-but, jew jekk għandux kuntatti politiċi utli, imma li hija persuna umana, bniedem li għandu d-dinjità tiegħu għax huwa iben Alla. U allura jistħoqqlu rispett fil-protezzjoni u nagħmlu kull ma nistgħu biex ukoll nassigrawlhom futur.

    It-tielet esperjenza ta’ dan Alla li juri lilu nnifsu fil-Vanġelu (Ġw 2, 1-12) li għadna kemm smajna meta l-Mulej Ġesù, fil-bidu wkoll tal-esperjenza tiegħu fl-aħħar tlett snin ta’ ħajtu, jagħmel l-ewwel sinjal. Għat-tieġ ta’ Kana kienet mistiedna ommu u kien mistieden hu wkoll u ġab miegħu l-ewwel dixxipli, sa dak il-mument fil-Vanġelu ta’ San Ġwann kellu ħames dixxipli. Hu ġabhom miegħu u ħin minnhom il-Madonna tgħidlu: “Ma baqgħalhomx inbid” (Ġw 2, 3) u Hu mingħajr ma jimbarazza lill-għarajjes, mingħajr ħafna storbju jew spettakolarità, jitlob lill-qaddejja jimlew ġarar kbar li jesgħu ħafna seba’ mitt litru bejn is-sitta li huma. U dan l-ilma, umli u fqir li kien jintuża għall-purifikazzjoni, jitbiddel f’inbid, l-inbid l-iżjed tajjeb tant li dak qal: “Inti l-inbid it-tajjeb ħallejtu għall-aħħar” (Ġw 2, 10).

    Dan is-sinjal għandu wkoll messaġġ għal din il-ġurnata li qegħdin infakkru dawk kolha li jkollhom jemigraw jew inkella jkunu refuġjati f’pajjiż ieħor. Qegħdin infakkru li l-Mulej jaf jipprovdi inbid għall-festa anke meta fil-kalkoli tagħna ma jkunx għad baqa’. Qatt mhu se jonqosna l-ġid u qatt ma se tonqosna l-barka, jekk aħna b’ġenerożita kbira naqsmu mill-ġdid li għandna ma’ kulħadd. Qatt mhu se tinxtorob il-qalb tagħna jekk tinfetah ukoll għal kulmin jigi jħabbat fuq xtutna. U dan jgħodd mhux biss għal pajjizna, imma wkoll għall-Ewropa.

    X’nitolbu mill-emigranti li jiġu fostna? L-ewwelnett nitolbu li aħna ngħixu flimkien fil-paċi, nitolbu wkoll li l-akkwisti kollha li aħna għamilna bħala soċjetà fir-rispett tad-dinjità tal-mara, fir-rispett tal-libertà reliġjuża, min għadu ma skoprihomx, igawdihom magħna biex aħna l-mixja tagħna tkun mixja ’l quddiem u mhux lura.

    Għandi pjaċir inħabbar li fuq it-talba tal-komunità Eritrejana u fuq it-talba wkoll tad-delegati tiegħi għall-Pastorali tal-Emigranti, qiegħed nafda parroċċa personali ġdida f’idejn il-Patrijiet Kappuċċini. Nirringrazzja ħafna lil-Provinċjal tal-Patrijiet Kappuċċini, Fr Martin Micallef li ta din id-disponibbiltà. U hawn ukoll Fr Philip Cutajar, li se jieħu ħsieb din il-parroċċa. Dan huwa wkoll sinjal l-ewwelnett li dawn ħutna li ħarġu mill-Knisja f’Malta, huwa sinjal ukoll tar-rieda tagħna li aħna naħdmu biex inkunu familja waħda, imma fl-istess ħin huwa wkoll sinjal li intom fil-knisja f’Malta ġġibu rigali wkoll speċjali, intom ukoll, kull wieħed u waħda minnkom.

    Insellem ukoll il-komunità Filippina: intom rivelazzjoni  tal-Ispirtu, iġġibu d-doni tal-Ispirtu s-Santu fil-Knisja f’Malta. Ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla u nitolbu li l-qalb kbira tal-Maltin li darba rat lil San Pawl Missierna, nawfragu, ħabsi, tilqa’ lil kull min jasal fi xtutna u għandu ħerqa li jaħdem għall għixien tiegħ, li jrabbi l-familja tiegħu u li jimxi magħna fit-triq tal-libertà, tal-progress u tas-solidarjetà.

    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta