• Nhar il-Ħadd 6 ta’ Settembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Solenni fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Katerina, fil-knisja Parrokkjali taż-Żurrieq.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq

    6 ta’ Settembru 2015

    Xtaqt naqsam magħkom ftit ħsibijiet ibbażati fuq tliet kwadri li huma tradizzjonalment parti mill-ikonografija ta’ Santa Katarina, verġni u martri. Tliet kwadri li nnutajt li huma raffigurati bosta drabi, mhux biss f’dan it-tempju majestuż, imma anke fit-toroq tagħkom b’mod l-iktar sabiħ għal din il-festa solenni.

    L-ewwel kwadru huwa dak tal-għerusija ta’ Santa Katarina; it-tieni kwadru, li intom tirrapreżentaw b’mod meraviljuż fil-pjazza ta’ quddiem id-dar tal-Arċipriet, huwa d-disputa mal-filosofi, l-argument ta’ Santa Katarina mal-għorrief ta’ din id-dinja; u t-tielet kwadru huwa dak tal-martirju tagħha, martirju li kellu diversi fażijiet li spiċċa bil-qtugħ ir-ras tagħha. Sfortunatament huwa martirju attwali wkoll fil-ġurnata tal-lum hekk kif ħutna l-Insara jispiċċaw imħanxrin bħalha minħabba l-fidi tagħhom f’Ġesù.

    Intom tifhmuni meta nagħżel dawn it-tlett kwadri biex nitkellem fuq xi ħaġa li tafuha ħafna. Jien ma ġejtx biex ngħallimkom fuq Santa Katarina għax aħjar noqgħod bilqiegħda u tgħallmuni intom, imma bħala ragħaj tagħkom, xtaqt naqsam ftit ħsibijiet ispirati minn dawn it-tlett mumenti fil-ħajja u l-martirju ta’ Katarina.

    L-isem tagħha jfakkarna fis-safa’ u fis-sbuħija tar-ruħ safja. “Ħenjin dawk ta’ qalbhom safja” (Mt 5, 8). L-għażla ta’ Katerina bħala xebba sabiħa u rżina – tħares lejn l-istatwa majestuża u tinduna li aħna wkoll imsaħħrin mis-sbuħija fiżika u spiritwali ta’ Katarina – is-sbuħija tagħha ma kienetx sbuħija tal-ġilda biss, epidermika, imma kienet dik is-sbuħija profonda. L-għotja tagħha lil Ġesù, l-ewwel bħala Nisranija imbagħad bil-ħajja tagħha ma kienetx biss superfiċjali imma profonda. Il-verġinità tagħha mhijiex ta’ xi ħadd li ma kellux l-opportunità li jiżżewweġ fil-ħajja imma kienet frott ta’ għażla konxja u deliberata. Hija għażla li llum ħafna minna jgħidu li ma tagħmilx sens.

    Fl-antik, kienet titpoġġa xitla qronfol mat-tieqa bħala sinjal li f’dik id-dar hemm xebba sabiħa disponibbli għaż-żwieġ, iż-żwieġ li huwa ħaġa qaddisa, li huwa sagrament, sagrament tal-imħabba ta’ Alla mal-bnedmin. Imma l-għerusija spiritwali hija wkoll xhieda tal-imħabba ta’ Alla mal-bnedmin. L-ewwelnett hija għażla ta’ mħabba. Mela l-għażla ta’ Katarina li tkun verġni, li ma tiżżewwiġx, li ma tingħatax lil raġel, ma kienetx għażla li tiċħad is-sbuħija taż-żwieġ imma għażla li hija sinjal qawwi ta’ kemm hu sabiħ iż-żwieġ meta koppja tgħixu bħala għotja ta’ imħabba. Għax il-verġinità tagħha fl-għerusija mistika mhijiex egoiżmu, lanqas hija xi ħaġa awto-referenzjali, jiġifieri li tħares lejk innifsek, u ngħid: Jiena dan l-inkwiet x’irridu? Dat-taħwid xi rridu? U jiena tfal għandi bżonnhom? Mhux hekk, imma hija għotja totali lil Ġesù. Dak li kien hemm fir-ruħ safja tagħha Katarina esprimietu ukoll fl-għotja ta’ ġisimha, għax il-verġinità mhuwiex li tagħlaq bieb – fiżikament iva – imma hija wkoll li titfaħ qalbek b’imħabba universali.  

    Fl-ikonografija taż-żwieġ, jew tal-għerusija mistika ta’ Katarina ma’ l-għarus tagħha Ġesù, Marija Santissima tippreżentalha lil binha, u f’idu Ġesù, ċkejken tarbija, għandu ċurkett li qed jagħtih lil Katarina. Hemm kwadru straordinarju ta’ din ix-xena mill-Guercino, fejn hemm din it-tensjoni ta’ Ġesù li għadu ma libbisx iċ-ċurkett lil Katarina, u Katarina qed tnewwel subgħajha għal din l-għerusija, biex tilqa’ dan is-sinjal ta’ mħabba u għotja minn Ġesù.  

    Ġesù f’dan l-ewwel kwadru qiegħed jilqa’ l-offerta sabiħa ta’ Katarina bħalma jilqa l-offerta ta’ tant nisa li ddedikaw ħajjithom għal ħajja reliġjuża, jew inkella għal ħajja verġini bħala katekisti. San Ġorġ Preca, meta waqqaf l-oqsma tiegħu, xtaq li l-katekisti nisa, bħall-irġiel, ma jiżżewġux, biex id-disponibilità tagħhom tkun sħiha. Il-verġinità hija diġa qdusija perfetta? Le, min jingħata lil Ġesù fil-verġinità jew fiċ-ċelibat jibqa’ midneb li għandu bżonn lil Ġesù iżjed, li jeħtieġ il-ħniena ta’ Ġesù Salvatur.

    Nixtieqkom terġgħu taqraw l-Ewwel Qari tant sabih minn Bin Sirak (Sir 51, 1-8) li hu magħżul għall-festa ta’ Santa Katarina, u tindunaw li dan huwa kliem li aħna qed nimmaġinawh bil-fomm tat-tfajla rżina Katarina. Lil Alla tindirizzah, qed tirringrazzjah, qed tfaħħru ta’ kemm kien magħha matul ħajjitha. L-iżjed kelma li tirrepeti ruħha fl-Ewwel Qari hija l-kelma ‘ħniena’. Il-verġinità ta’ min jagħżel din l-għerusija tibbaża ruħha fuq il-ħniena, anke ċ-ċelebat tagħna s-saċerdoti, aħna midinbin, aħna għandna bżonn is-salvazzjoni kuljum. Ejjew nitolbu lill-Mulej isaffi l-qalb tagħna biex l-imħabba tagħna qatt ma tkun parzjali, qatt ma tkun għal kategorija biss, imma tkun universali għax dik hija l-vokazzjoni ta’ min seta’ jiżżewweġ imma għażel li ma jiżżewwiġx, mara jekk hu raġel, jew raġel jekk hi mara, biex jingħata lill-Mulej għall-ġid tal-komunità.  

    L-ewwel Missirijiet tal-Knisja kienu jqimu l-verġinità bħala martirju abjad, bħala l-martirju ħaj. Katarina hija verġni u martri, imma hija martri fil-verġinità tagħha u hija verġni fil-martirju tagħha. Għaliex? Għaliex hi x-xhieda tagħha tata fil-verġinità tagħha, u kellha bżonn ukoll il-qawwa tas-sagramenti tal-Knisja għax hi kienet dgħajfa bħalna, imma aħna nivvenerawha u nistqarruha bħala bniedma li għexet il-ħajja tagħha b’mod eżemplari.  Mela aħna qed nifhmu li l-għerusija ta’ Katarina mhix in-negazzjoni taż-żwieġ, imma hija mod ieħor kif inti tagħti ħajtek lil ħaddieħor u li minnu tinbena maternità spiritwali qawwija. Ejjew nitolbu llum għal kull min għażel il-vokazzjoni taż-żwieġ u wkoll għal kull min għażel il-vokazzjoni tal-verġinità. Il-verġinità mhiex kwistjoni fiżika, l-aħwa, imma hija qabel xejn atteġġjament tal-qalb. Mela jiena lejn il-verġni ma nħarisx lejn il-muskoli, imma nħares lejn il-qalb.

    It-tieni kwadru huwa d-disputa, l-argument li Katarina kellha mal-għorrief, mal-filosofi ta’ żmienha li ppruvaw jipperswaduha li setgħet tgħix bir-raġuni tal-bniedem biss. L-ewwelnett Katarina tradizzjonalment hija meqjuma bħala l-protettriċi tal-filosofi. Mela anke f’din l-għażla tagħha, anke fid-disputa tagħha, Katarina mhijiex qed tkasbar jew tinnega’ l-għerf tal-bniedem għax l-għerf tal-bniedem huwa don li ġej minn Alla. Mela dawk il-filosofi li poġġejtu intom f’din il-pjazza ħelwa, madwar il-monument fil-ġebel ta’ Gerada, li hu kopja ħelwa tal-istatwa titulari tiegħu stess, dawk il-filosofi mhumiex ikkundannati, imma qed jirrappreżentaw l-għerf tal-bniedem, l-għerf li, biex ngħidu hekk, huwa distillazzjoni tal-fatt li aħna xbieha ta’ Alla, għandna l-intellett, għandna l-volontà, għandna l-kapaċità li naħsbu. Allaħares qatt, f’isem Santa Katarina jew f’isem il-Vanġelu, aħna nkasbru l-għerf uman jew inkella x-xjenza umana! Dawk mhux għedewwa tagħna, huma alleati tagħna għax huma wkoll frott tad-don kbir ta’ Alla lill-bniedem, li dejjem xprunat biex l-umanità jmexxiha ‘l quddiem.

    Għal Katarina, dan l-għerf uman ma kienx biżżejjed, għax l-għerf uman u l-ideoloġiji umani jwassluk biss sa’ ċertu pont. Ma jagħtukx it-tama tal-ħajja eterna, jipprepawk għaliha bl-għerf, b’dawk li aħna nsejħulhom il-virtujiet kardinali – mhux għax huma kardinali tal-Papa, imma għax huma iċ-ċappetti li fuqhom jistrieħ il-bieb tal-ħajja, carde, din iċ-ċappetta importanti – li huma l-ġustizzja, il-prudenza, it-temperanza u l-qawwa. Dawn huma l-virtujiet umani li l-Knisja titlob mill-qaddisin tagħha u li aħna napprezzaw u nammiraw f’Katarina: il-qawwa tagħha, il-prudenza tagħha, ir-rażan tagħha, il-ġustizzja tagħha. Dawn huma virtujiet umani li l-filosofija tgħinek tippromovi u tmexxi l’ quddiem fil-ħajja tiegħek.  

    Bil-ħajja tagħha Katarina setgħet, mhux bil-kliem biss, turi lil sħabha l-filosofi li hi kellha tama aqwa, kellha imħabba qawwija, kellha fidi straordinarja. Dawn it-tlett atteġġjamenti, għalkemm huma raġjonevoli, huma don t’Alla speċjalissimi. Il-fidi, li hija s-sottomissjoni lejn Alla, hija don li jagħti lil min tassew jirrispondi għall-għajta tiegħu, lil min jagħraf l-għajta tal-Ħallieq fil-ħolqien u jgħid: ‘jiena nemmen fik, O Alla, Alla wieħed fi tliet Persuni. U għax nemmen fik, nisimgħek u nobdik, nissottometti ruħi lejk, imma mhix fi skjavitù li tkissirni imma f’lealtà li tkabbarni’.

    It-tama ta’ Katarina ma kinitx biss fl-umanità u l-progress tagħha tal-lum u ta’ żmienha, imma kienet ukoll tama fil-ħajja ta’ dejjem. Ma setgħetx Katarina taċċetta l-martirju kieku ma kinitx mimlija bit-tama fil-Mulej li se jkun hu l-kuruna u l-ġieħ tagħha, Christus Rex gloriae, Kristu Ġesù li huwa t-tama tal-glorja. Filfatt għandkom żewġ statwi ħelwin, evidentement Barokki, li tarmawhom fuq iz-zuntier: wieħed ta’ Katarina b’għonqa mħanxar li tiela s-sema’ għall-glorja tagħha, u ieħor ta’ Ġesù li qed jagħtiha l-kuruna li ttamat fiha. Mal-filosofi, Katarina setgħet titkellem fuq l-imħabba tagħha li tiżboq il-prudenza umana għax il-Mulej tagħha, l-għarus tagħha Ġesù, għallimha mhux biss tħobb skont il-liġi retta tal-ġustizzja: għajn għal għajn, sinna għal sinna, imma tmur ’l hemm: ħobbu lil-għedewwa tagħkom, itolbu għal min jippersegwitakhom, aħfru, aħfru bħalma jaħfer Missierkom, tħallux id-deni jirbaħkom imma irbu d-deni, il-ħażin bit-tajjeb. Din kienet l-imħabba li Katarina setgħet tgħallem lill-filosofi sħabha, li tmur lil hemm mill-ġustizzja għaliex hija mħabba qawwija li taqta’ ċ-ċirku vizzjuż ta’ vendetta li titlob vendetta, inkejja li titlob inkejja.

    Jiena ngħidilkom, uliedi Żrieraq, ejjew ma ninħlewx f’battibekki ċkejknin u meskini ta’ bejnietna. Ejjew nitgħallmu minn Santa Katarina xi tfisser l-imħabba Nisranija, l-imħabba sinċiera. Ejjew nagħmlu l-eżami, jiena magħkom, ta’ kemm il-darba ninħlew fil-battibekki tat-tfal, avolja jkollna eta’ matura. Il-qaddisin jgħallmuna l-maturità vera li meta jitkellmu fuq l-imħabba tkun imħabba vera, li meta jitkellmu fuq il-fidi tkun fidi safja, li meta jitkellmu fuq it-tama tkun tama qawwija.

    Jekk aħna rridu nieħdu spunt mit-Tieni Qari tal-liturġija tal-Kelma tal-lum, nifhmu x’inhu l-għerf aqwa minn tal-filosofi li bih rebħet Katarina, dak li Pawlu jsejjaħlu sapienza crucis, l-għerf tas-salib. Dan l-għerf mhuwiex ta’ Katarina biss, imma huwa wkoll l-għerf tagħna l-Insara. Meta aħna naraw lil ħutna ppersegwitati, l-għerf tas-salib jgħallimna biex għal provokazzjoni ma nirrispondi qatt bi provokazzjoni, għal min ikeskisna ma nirrispondu qatt bil-vjolenza għax l-għerf tas-salib minn fuqu ħarġu kliem ta’ maħfra, minn fuqu ħarġu kliem ta’ għatx għall-umanità. Minn fuq is-salib Ġesù ħaseb f’ommu, ħaseb ukoll fil-ħalliel it-tajjeb, u lil Missieru qallu ‘għaliex abbandunajtni’, imma mbagħad reħa ruħu f’idejh, consumatum est, għamilt dak li inti tlabtni (ara Ġw 19,36). Biex nirbħu bħalma rebħet Katarina, jrid ikollna dan l-għaqal, dan l-għerf, l-għerf tas-salib, għax is-salib ukoll huwa t-tkasbir u riġett, imma aħna ma nirrispondux bl-istess munita għax aħna segwaċi ta’ Ġesù. Nitolbu maħfra ta’ kemm il-darba, anke bħala Knisja, minflok użajna l-id tal-ħniena, użajna l-id iebsa tal-bronż u tal-ħadid. Mulej, nitolbok maħfra. Aħfrilna Mulej.

    It-tielet kwadru huwa l-kwadru tal-martirju. Bħal diversi martri, Katarina għaddiet minn proċess ta’ martirju għaliex l-immaġini tal-martirju tar-rota, ta’ flaġelazzjoni u tant turmenti oħra, ifissru li l-martri ma jsirx martri f’ġurnata; il-martirju huwa proċess, proċess miċidjali, hemm dejjem il-periklu li wieħed jiċħad lil Ġesù. U Ġesù jafha din u jgħid, ‘miskin jekk tiċħadni’, imma l-ħniena tiegħu tirbah dejjem. Imma jgħid ukoll, ‘min ikun xhud tiegħi quddiem il-bnedmin, jiena ukoll nistqarru quddiem Missieri li hu fis-smewwiet’. Ix-xhud huwa l-martri.

    Il-martirju ta’ Katarina mhuwiex biss il-mument meta ġiet taħt il-ħakma tat-tirann u bdiet tiġi ttorturata u sottomessa għal kefrijiet, waħda għar mill-oħra, imma huwa proċess ta’ ħajja: ix-xhieda ta’ ħajja rżina, ix-xhieda ta’ mara intelliġenti li l-intelliġenza użatha għall-glorja ta’ Alla. Meta aħna nisimgħu b’ħutna l-Insara li jiġu maqtula fuq ix-xtut tal-Mediterran, fil-Lvant Nofshani u Lvant Imbiegħed, sempliċement għax huma Nsara, aħna niftakru fil-martri tal-epoka antika u nindunaw li l-Mulej għadu magħna u li l-kelma tiegħu: huma ma jistgħux għalikom, hija attwali wkoll illum. Għall-għajnejn tat-tiranni, Katarina mietet rasha maqtuha, għall-għajnejn tal-filosofi mara komda li taf titkellem u elokwenti, spiċċat mirbuħa mill-qawwa tat-tirann. Il-memorja tagħha tibqa’ għal dejjem. Il-memorja tagħha hija memorja glorjuża, il-memorja tagħha hija attwali, tagħmlilna kuraġġ.

    Ejjew nitolbu lil Katarina biex aħna, meta nkunu fil-mument tat-tentazzjoni, u nafu li ħafna drabi ningħelbu u naqgħu, niftakru fil-lealtà tagħha, niftakru fil-fedeltà rżina tagħha. Min jaf kemm kellha xi jħajjarha biex lill-Mulej tiċħdu. Għexet l-għerusija fil-fedeltà tagħha sal-aħħar. U jiena u intom, ħuti l-għeżież, il-fedelta tagħna, kif se nsarrfuha? It-talba tagħna x’se tkun lil Katarina llum? Talba li aħna l-vokazzjoni tagħna, kemm jekk hi miżżewwġa jew ċelibatarja, tkun vokazzjoni ta’ mħabba u qatt mibegħda, li aħna nirrispettaw il-ġisem tagħna b’mod safi u li ma nibżgħux nersqu għal qrar għax il-qrar jagħtina safa’ mġedded.

    Katarina tgħallimna li quddiem l-għerf tad-dinja aħna m’għandniex nibżgħu għax il-fidi mhijiex kontra r-raġuni; ir-raġuni għandha bżonn il-fidi, anke l-fidi għandha bżonn ir-raġuni għax inkella ssir fanatiżmu, inkella ssir oskurantiżmu u tneħħi l-libertà tal-bniedem. Katarina tgħallimna li l-għaqal tas-salib, l-għerf tas-salib hija risposta straordinarja li tgħallem il-vera imħabba lill-umanità. Katarina tgħallimna li x-xhieda għandha prezz u kultant ikollha prezz għoli ħafna.

    Jiena staqsejt lil Arċipriet, intom x’ġest ta’ karità tagħmlu għall-festa? U qalli li intom tagħmlu ħafna bukketti ta’ mħabba. U jiena, ngħid il-verità, rajtu jien u dieħel u għidt, ‘ara kemm iħobbuha lil Santa Katarina! Iħobbuha tassew għax dawk għad-Dar tal-Providenza’. Tħobbuha tassew meta għall-bidu tas-sena tikkonkorru biex id-Dar tal-Providenza fil-maratona tagħtuha donazzjoni sabiħa. Jiena nieħu pjaċir meta l-festi tagħna nlibbsuhom libsa sabiħa ta’ stil barokk, imma mbagħad hemm il-libsa ta’ ġieħ li naħsbu fil-proxxmu. Jiena se nistedinkom għal-libsa oħra ta’ ġieħ: nifirħu aħna u nifirħu ma’ ħaddieħor. Ejjew nitgħallmu nifirħu aħna u nifirħu wkoll ma’ ħaddieħor, biex Santa Katarina tassew inlibbsuha libsa ta’ ġieħ li jistħoqqilha kull sena fil-festa tagħha. Viva Santa Katarina!

    Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Lara Schembri