• Il-Ħadd 19 t’April 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Pontifikali fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Publju, fil-Knisja Parrokkjali tal-Floriana. 

    L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Eċċellenza, għażiża President ta’ Malta, Sur Preca,

    Personalitajiet distinti, inkluż il-kap tal-Oppożizzjoni,

    Għalija, bħala Ragħaj ta’ din id-djoċesi għażiża, huwa ta’ ferħ u ta’ privileġġ, imma anke ta’ responsabbiltà li nwassal messaġġ mhux biss lill-parroċċa għażiża tal-Furjana, imma lil Malta, f’din is-solennità ta’ San Publju.

    Ippermettuli naqsam magħkom ftit ħsibijiet ispirati mill-ewwel frażi tal-antifona sabiħa li għadna kemm smajna fl-Alleluia. Insellem lil Publju b’dan il-kliem bil-Latin: Melitae digna proles: wild dehen ta’ Malta. Hawn hu l-kbir għalina l-Maltin, li nistgħu nsejħu lil wieħed minna li kien jaħkem fuq il-gżira, wild dehen ta’ Malta, Melitae digna proles. L-ewwelnett għax il-kelma protos, kif kien it-titlu ta’ Publju u kif jissemma bit-titlu tiegħu li huwa kkonfermat anke minn dati arkeoloġiċi wara s-sejba ta’ skrizzjonijiet tal-ewwel seklu li hemm fihom it-titlu protos, ifisser li inti l-ewwel, għax din il-kelma Griega tfisser li tkun l-ewwel.

    F’San Publiju, fit-tradizzjoni sekulari tagħna, jingħaqdu r-responsabiltajiet tat-tmexxija, kemm dawk ċivili kif ukoll tal-komunità Nisranija. Dan il-bniedem li ismu, ‘Publius’, diġà jfakkrek fil-poplu, ġie msejjaħ mill-providenza t’Alla biex ikun il-protos ta’ din il-gżira fil-mument meta l-Mulej ried joffri lill-poplu tagħna l-oħla dawl, id-dawl tal-Evanġelju. Kienet proposta. Tant kienet proposta li tirrispetta l-libertà tal-Maltin, li l-messaġġier li kellu jwassal fuq xtutna dan in-nar ta’ mħabba li Ġesù jgħid: “għandi nar u kemm nixtieq li diġa qabad,” dan in-nar li ħiereġ mill-qalb ta’ Ġesù, twassal lilna minn sempliċi priġunier. Pawlu ta’ Tarsu, ċittadin Ruman, jappella biex il-każ tiegħu jinstema’ quddiem l-Imperatur u Festu jgħidlu: ‘mela jekk trid tagħmel hekk, tagħmel din il-ġennata, nibagħtuk Ruma, imma bħala priġunier’ (ara Atti 25,12). U għalkemm kien priġunier, l-leadership tiegħu fil-mument ta’ kriżi fuq il-bastiment jidher ċar. B’awtorità jkellem lil sħabu, ma kinux tnejn jew tlieta, kienu mitejn u erba’ u sebgħin, u lill-kaptan. L-awtorità tiegħu kienet awtorità morali imma qawwija.

    Pawlu wasal fi xtutna bħala priġunier. Wasal fi xtutna bħala qaddej. Meta l-Maltin lil dawn in-nawfragi itertru bil-bard, xegħelulhom ħuġġieġa tan-nar, Pawlu, ta’ qaddej li hu, jiġbor ukoll il-ħatab għan-nar. U seħħ l-ewwel sinjal tal-qawwa tal-messaġġ tiegħu, tal-proposta tiegħu lill-Maltin. Il-lifgħa li tħebb għal idu ma tagħmillux ħsara! Il-Maltin forsi kienu draw li mal-bastimenti jiġu wkoll passiġġiera oħra mingħajr passaport, mingħajr ma bbukkjaw. Min jaf l-injam ta’ dawk il-bastimenti x’kien iġorr? U draw jifhmu wkoll li jekk ma’ xi biċċa għuda ikun hemm xi annimali li man-nar jiżgiċċa, jaf anke joqtlu. U huma stennew. Imma Pawlu jurihom idu, li ma ġralu xejn, u b’reazzjoni li aħna ngħarfuha, għax aħna l-Maltin inħobbu ħafna l-estremi, l-ewwel bdew jaħsbu li kien kriminal, imbagħad bdew jaħsbu  li hu Alla. Minn estrem għall-ieħor. Nimmaġina lil Pawlu, bħalma għamel anke f’Korintu ma’ Barnaba, waqaf u qal: ‘jiena miniex Alla imma nixtieq inkellimkom fuq Alla ħaj u veru, u fuq l-Iben tiegħu magħmul bniedem’.

    Fl-inħawi kien hemm l-oqsma tal-protos, l-oqsma ta’ Publju. X’jagħmel? Jilqa’ mitejn u erba’ u sebgħin persuna d-dar tiegħu għal tlett ijiem! Inti jkollok tlieta min-nies id-dar tiegħek għal ftit sigħat, tieħu pjaċir tarahom u tieħu pjaċir ukoll tgħidilhom arrivederci. Imma Publju jilqa’ lil dawk in-nies kollha għal tlett ijiem! Nimmaġina li l-oqsma ta’ Publju, fin-naħa ta’ San Pawl Milqi, ħdejn Burmarrad, mhux biss kienu jesgħuhom imma kellhom ukoll il-ġid kollu li setgħet toffri Malta tagħna: il-benna taż-żejt, tal-ħobż mill-qamħ, tal-inbid mill-għeneb, tal-għasel li tant kien famuż li Servus, lil Ċiċerun, għajru quddiem is-senat Ruman: ‘int sraqt l-għasel għażiż u famuż ta’ Malta’, u l-qoton ukoll.   

    Nimmaġina li Publju mhux biss temagħhom imma libbishom. Fuqu kien hemm il-barka li fuqha smajna fl-Evanġelju: “kont bil-ġuħ u tmajtni, kont bil-għatx u sqejtni, kont barrani u lqajtni, kont fil-ħabs u ġejt iżżurni” (Mt 25, 35-36). Publju, bl-għażla tiegħu, mhux biss jurina x’barka kellha fih bħala ħakem u protos, imma huwa tassew: Melitae digna proles: wild dehen ta’ Malta. Għax il-wild dehen ta’ Malta ma jagħlaq qalbu għal ħadd, jilqa’ lil kulħadd, hu min hu, hi min hi! Jekk aħna rridu nqimu lil Publju, irridu nifhmu l-ġest profond tiegħu li huwa msemmi mhux fi kiteb kwalunkwe, imma fil-Kelma ta’ Alla. L-eżempju tiegħu jsir Kelma ta’ Alla għalina. Aħna l-Maltin ma nistgħux nagħmlu festa sabiha lil San Publju iżda imbagħad fuq is-socal media nużaw kliem ta’ mibegħda għal ħutna l-imsejkna li llum, mhux elfejn sena ilu, illum, huma nawfragi fix-xtut tal-Mediterran. Sempliċement ma tagħmilx sens! Jiena ma nistax inżeffen l-istatwa sabiħa ta’ San Publju imma imbagħad fuq Facebook, fuq Twitter, fuq ic-chat, fuq il-blogs, noħroġ mibegħda lejn l-immigranti rregolari, biex nitkellem ċar. Il-festa ta’ San Publju, ta’ kull sena trid tfakkarna fil-barka ta’ min jilqa’ l-barrani, għax Publju ma laqax lil Pawlu biss, li ma kienx jafu, imma laqa’ wkoll lil sħabu kollha, kollha kemm huma – il-kaptani, is-suldati, il-baħħara, forsi xi wieħed jiġi minn xi senatur imlaħħaq Ruma, u l-priġunieri wkoll.

    Ma’ din l-aħħar kategorija, il-priġunieri, il-Mulej bagħtlu l-oħla dawl għax aħna l-Vanġelu ġie mogħti lilna minn priġunier; il-kliem tal-ħelsien ġie mogħti lilna minn ikkalzrat li Publju kellu l-qalb kbira li jilqgħu. Ma bagħtux lura lil Pawlu, ma bagħtux xi mkien fejn ma jistax jilqgħu, laqgħu f’daru u fuq id-dar tiegħu u fuq il-pajjiż ġibed barka kbira li ma kienx qed jistenniha, ma kkalkulahiex. L-akkoljenza ta’ Publju tgħallimna li hija akkoljenza ġeneruża mingħajr ma tagħmel kalkolu. U fuqu ġab il-barka tal-fejqan ta’ missieru u fejqan tal-morda kollha tal-gżira.

    San Publju jgħallimna wkoll ir-rispett lejn il-ġenituri. Nimmaġinah jien, inkwetat għal missieru, marid bid-deni u d-dissenterija, impressjonat b’dan il-bniedem ikkalzrat imma b’poter u b’ħeġġa kbira, u jgħidlu: ‘isma’ ma nafx jekk tistax tgħini, imma għandi l-papa’, marid, ma nafux x’nistgħu nagħmlu’. Dan kien il-protos. Jekk kien hemm xi tabib Malta, kien jaf bih, jekk kien hemm xi mediċina li kienet tgħin lil missieru, Publju fittixha, u b’qalbu magħsura, Publju jitkellem ma’ Pawlu fuq missieru. U Pawlu jwassallu l-barka tal-fejqan minn marda li dak iż-żmien ma kellhiex tama. U Pawlu jqiegħed idejh fuq missier Publju u jfejqu.

    Il-fama ta’ dak li ġara’ ġriet mal-gżira kollha. Pawlu żgur Malta ġie, għax m’hemm l-ebda sigriet f’Malta; jiġri xi ħaġa, kulħadd ikun jaf biha. Mhux hekk biss, jekk hemm opportunità ta’ fejqan, se niġru għaliha lkoll kemm aħna. Min jaf kemm għajja imma kemm feraħ Pawlu, għax ġabulu l-morda kollha tal-gżira! Min jaf kemm ra hemm Pawlu f’dak iż-żmien taħt il-ħarsa ħelwa ta’ Publju, il-protos li ferħan jaqsam il-fejqan li kien sab għal missieru, ma’ ħutu l-Maltin. U fuqu u fuq Malta l-ġenerożità tiegħu tiġbed barka kbira.  

    Il-proposta ta’ Pawlu kienet il-proposta ta’ dak li fil-milja taż-żminijiet urina t-tieba tiegħu u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin. U f’Publju, u fit-tjieba tal-Maltin, aħna tajna risposta għall-imħabba tagħna, imħabba li tirrispondi għall-imħabba. X’barka kbira! X’barka kbira din li f’dan ir-raġel aħna nistgħu nifirħu li ġibniha żewġ għax fl-imħabba tiegħu, il-qalb ta’ kull Malti infetħet għall-bxara ta’ Pawlu, għall-proposta ta’ Alla, li huwa ħaj u veru, li bagħat lil Ibnu biex jifdina mill-jasar tad-dnub u li għallimna li l-imħabba tal-aħwa ma nistgħux nifirduha mill-imħabba ta’ Alla. Jiena ma nistax ngħid li nħobb lil Alla tassew jekk jien ma nħobbx lil ħuti l-bnedmin. Dan huwa l-Messija li ppriedkalna Pawlu. U Pawlu li jiltaqa’ ma’ protos, ħalla wkoll episkopos, dak li huwa jħares. Episkopeo tfisser li inti tħares lil madwarek, dak li jħares, iħares mhux biss biex jara, imma biex jiddefendi. U dan il-protos, Publius, sar ukoll il-kap tal-ewwel komunità li emmnet fil-Bxara ta’ Pawlu. Melitae digna proles: wild dehen ta’ Malta.

    X’nitolbuh lil San Publju llum? Id-don li nimitawh, li aħna ma nibżgħux nilqgħu fostna lil min,  ġie kif ġie, għandu bżonn l-għajnuna; li nħarsu lejn wiċċ kull bniedem u ngħidu ‘dan bniedem’; li ngħinuh u li nirrispettaw b’dinjità, għax aħna mġarrbin. Meta kellna l-barka ta’ protos li għamel hekk, fuqna ġiet l-ikbar barka, meta fuqna ġie l-oħla dawl, ir-rispett lejn il-ġenituri u fl-istess ħin id-don tal-fejqan. Dawn huma tlett barkiet li jiena nixtieq nitlob bl-interċessjoni ta’ Publju, u nitolbu wkoll li nkunu lkoll xhieda. Il-kelma bil-Grieg għal xhud hija marte, xhieda tal-imħabba ta’ Ġesù, mhux biss bid-devozzjoni tagħna imma wkoll bl-imħabba tagħna lejn xulxin, u hekk inkunu nistgħu nirbħu kull theddida ta’ kull iljun aħrax jekk aħna nimitaw lil Publju u nkunu tassew segwaċi ta’ Ġesù.

    Jiena u ngħid it-tislima li tippretendu li tisimgħu bħallum kull sena, ngħidilkom li din it-tislima tfisser impenn, mhux ċapċip biss, impenn li aħna nimitawh, impenn li l-imħabba li għandkom intom tkun imħabba sabiħa fil-gżira tagħna li tagħmlilna unur. Viva San Publju!

    Charles J. Scicluna

       Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Photocity, Valletta.

    www.photocitymalta.com