• Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Awwissu 2016, l-Arċisqof iltaqa’ mal-membri tal-Kummissjoni Djoċesana Tfal, fil-La Salle Retreat House, il-Mellieħa. L-Arċisqof stieden il-Kummissjoni, magħmula minn 34 tifel u tifla minn parroċċi madwar Malta, għat-tieni laqgħa tagħhom, wara li ltaqgħu f’Marzu li għadda waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-Ħniena għat-tfal. Matul din il-laqgħa il-Kummissjoni kellha ċans tiddiskuti mal-Arċisqof il-Quddiesa u xi suġġerimenti li kellhom it-tfal biex huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod isbaħ fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Wara d-diskussjoni, l-Arċisqof stieden it-tfal għal BBQ fil-bitħa tad-djar għall-irtiri, fejn kien hemm ċans għal konverżazzjoni aktar informali waqt il-ħin tal-ikel.