• Nhar l-Erbgħa 3 ta’ Ġunju 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ndirizza Seminar tal-Fondazzjoni Centesimus Pro Pontifice, fis-Seminarju tal-Virtù, ir-Rabat.

    Il-Messaġġ tal-Arċisqof

  • Is-Seminarju, tal-Virtù, ir-Rabat
    3 ta’ Ġunju 2015
    Waqt li qed nismagħkom, napprezza ħafna l-kontributi ta’ kwalità kbira, u nistqarr li dan huwa lingwaġġ li jiena irrid nidra, u li jgħini ħafna biex nirriflettu fuq ir-realtajiet tagħna.

    Ġewni f’moħħi tlett avverbi li juża l-Appostlu Missierna San Pawl, fl-Ittra lil Titu, li nħoss li għandna bżonn nirriflettu fuqhom: sobrie, et iuste et pie, in hoc saeculo vivamus (Tit. 2,12); bl-Ingliż let us live in this world in a sober way, in a just way, in a pious way, bil-Malti ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien. Dawn l-avverbi dejjem laqtuni għaliex, b’mod sintetiku ħafna, l-Appostlu Missierna iħares lejn il-persuna, lejn ir-relazzjonijiet interpersonali u lejn ir-relazzjonijiet vertikali ma’ Alla Għax meta tgħid sobrie hemm il-virtù tar-rażan, u tħares lejk innifsek, lejn il-kapaċità li inti trażżan ir-rebgħa. Radix malorum est cupiditas (Ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen). Aħna nistgħu ngħidu li għandna tassew nieħdu bis-serjetà din l-espressjoni mill-Corpus Paulinum (1 Tim. 6, 10), għax ir-rebgħa l-għerq ta’ ħafna ħażen. Din hija riflessjoni miktuba elfejn sena ilu u nħoss li għadna nibqgħu nirriflettu fuqha anke illum.

    Is-Sobrjetà: stil ta’ ħajja li toffri sostenibilità u futur
    Inħoss li s-sobrjetà mhux biss stil ta’ ħajja monakali imma trid tkun ukoll stil ta’ ħajja li toffri sostenibilità u futur għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Jekk aħna nibqgħu sejrin bil-mentalità li ‘inqdejt jien, inqeda kulħadd’, allura dik b’xi mod hija riċetta għal diżastru, it is a recipe for disaster.

    Sobrie (bir-rażan) Li aħna naċċettaw il-fatt li jkollna ċertu rażan fl-infiq u ankè fl-istil tal-ħajja, u allura imbagħad nevitaw li 30% tal-ikel li nipproduċu jintrema’. Jiena niftakar dokumentarju fuq Capri dwar kemm in-nies igergru fuq l-ikel, u intervistaw sid ta’ restorant li qal: “il nostro problema e che noi dobbiamo dare a mangiare a chi non ha fame”.

    Il-Ġustizzja: tagħti lil kulħadd dak li hu tiegħu
    Iuste (bil-ġustizzja). Ħafna drabi, minħabba r-rebgħa, ikollna problema biex nifhmu l-esiġenzi tal-ġustizzja, mhux biss ma’ min qed jgħix illum imma ankè ma’ ġenerazzjonijiet futuri.  Jien il-ġustizzja nemmen fiha ħafna, u iżjed ma’ nirrifletti iżjed inkun persważ mill-ġustizzja li, mhux biss trid tkun dik li tissalvagwardja r-rapport personali tiegħi ma’ ħaddieħor li nagħtih dak li jistħoqqlu. Dik hi iustum est suum cuique trubuere, li tagħti lil kulħadd dak li hu tiegħu, imma li wkoll taħseb b’mod li tissalvagwarda l-kwistjoni tal-ambjent, mhux biss bħala kwistjoni ta’ sostenibbiltà, imma wkoll ta’ responsabbiltà li għandna mal-ġenerazzjonjiet futuri.

    Is-sobrjetà personali tgħini biex inkun verament ġust għaliex hija stil ta’ ħajja li, ma jfissirx li nkun imċaħħad, imma waqt li qed ingawdi se nħalli l-ambjent kif sibtu jew forsi ftit aħjar ukoll, biex igawdih ħaddieħor. L-idea li minflok ma taqta’ fjura, toħdilha ritratt. Ovvjament dan jgħodd għall-għasafar ukoll. Intom tifhmu għala ċertu pożizzjonijiet u tweets tiegħi, u minn fejn ġejjin.

    Il-kriterju ta’ Ġesù fil-ġudizzju personali
     Pie (bit-tjieba). Aħna l-Insara qegħdin nistħu nitkellmu fuq id-dimensjoni vertikali; qegħdin nistħu u qegħdin niddejqu. Din hemm bżonn li nirriflettu fuqha ankè għaliex aħna għamilna diskors tajjeb ħafna fuq id-dinjità u fuq is-solidarjetà, imma jekk irridu nieqfu ftit u nirriflettu li kollox jiġi mill-fatt li aħna ħolqien ta’ Alla, magħmulin u maħluqin xbieha tiegħu, allura minn hemmhekk ġejja d-dinjità. Id-dinjità ma jagħtihilniex l-istat; l-istat huwa garanti tal-konvivenza soċjali u tad-dinjità tiegħi, imma d-dinjità tiegħi mhijiex ġejja mill-istat, mhijiex derivata, hija oriġinali għaliex hija attribut tiegħi mal-mument tal-ħolqien tiegħi. Imma mingħajr il-Kreatur, ma jagħmilx sens dan id-diskors. Din hija d-dimensjoni vertikali li ħafna drabi nistħu nitkellmu fuqha. L-istess ukoll il-kwestjoni sempliċi ħafna imma tant impenjattiva li inti tagħraf f’ħuk, fil-persuna l-oħra, ix-xbieha t’Alla li hemm fik, allura imbagħad dak li qal Ġesù: “dak li tagħmlu ma’ l-inqas fost dawn ħuti, qegħdin tagħmluh miegħi”. Dan se jkun il-kriterju tal-ġudizzju. Mhix kwistjoni ta’ ritwal, lanqas ta’ appartenenza, il-kwistjoni li jiena nagħraf li x-xbieha tiegħi kapaċi naraha riflessa f’ħija.

    Il-bżonn li noħolqu narrattivi li jħeġġu lil ħaddieħor
    Aħna x’għażla għandna? Evidentement m’għandniex l-għażla li nisparixxu: that is not an option. Jiena naħseb hija l-għażla li noħolqu narratives that enthuse other people.  Għandna bżonn nirrakontaw esperjenzi ħajjin li kapaċi iqanqlu persuni oħrajn. It-teoriji li ssemmew illum huma importanti, id-dokumenti wkoll. Jiena nawgura li, aħna l-Insara, meta tasal l-enċiklika tant mistennija ‘Laudato sii’, ma naqrawx l-enċiklika mill-filter tal-aġenziji tal-aħbarijiet, bħal Reuters jew l-AP. Is-Santa Sede saret tagħmel official summary li tiġi ppreżentata lill-media. F’Malta, nixtieq li nkun jien li nippreżentaha, anke jekk jiġu ħamsa min nies, imma nispera li jkun hemm ħames mija. Jekk il-Papa se jitkellem fuq l-ambjent u diġa’ tkellem b’mod ċar fl-Evangelii Gaudium, jiena kif se nagħlaq ħalqi fuq din it-tema daqstant importanti għalina l-Insara? Ma nistax. That is another non negotionable point. Grazzi.

     ✝ Charles J. Scicluna
       Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Photocity, Valletta.