• L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta

    16 ta’ Lulju 2017

    Il-Madonna tal-Karmnu, meta nħarsu lejn ix-xbihat tagħha, ngħarfuha minn żewġ elementi importanti. Meta nħarsu lejn xbieha tal-Madonna tal-Karmnu, aħna d-devoti mdorrijin infittxu mill-ewwel il-labtu qaddis li għandha f’idejha. Il-labtu huwa libsa, imma t-tifsira tagħha hija libsa ta’ virtùjiet.

    Is-Salm li smajna fil-qari tal-lum jiġbor dawn il-virtùjiet fl-imħabba lejn il-proxxmu u l-biża’ tal-Mulej. Id-domanda tas-Salm 14 hija: “Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek? Min joqgħod fuq il-għolja mqaddsa tiegħek?” (v. 1) Tifhmu mill-ewwel li ntagħżel dan is-salm sabiħ għaliex isemmi l-għolja tal-Mulej, u aħna, li nibqgħu dejjem imsaħħrin bil-ġmiel tal-għolja tal-Karmelu, meta nisimgħu “l-għolja mqaddsa” niftakru f’dik l-għolja sabiħa li t-tarf tagħha jħares fuq il-baħar Mediterran. Nimmaġinawha tħares lejna wkoll, fuq il-belt sabiħa ta’ Ħaifa u fl-istess ħin ixxennaqna għall-ġenna.   

    Imma r-risposta għal din id-domanda tas-Salm 14 hija domanda konkreta ħafna. Joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tal-Mulej, bħalma hi l-għolja tal-Karmelu, “min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, min jgħid is-sewwa f’qalbu; min ma jqassasx bi lsienu, ma jagħmilx deni lill-ġaru, ma jgħajjarx lill-għajru; min ma jqisx lil bniedem ħażin imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej” (vv. 2-4). Din hija r-risposta għad-domanda: “Min jgħammar fid-dar tiegħek, Mulej? Min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?”

    L-Evanġelju jagħtina għolja oħra: l-għolja tal-Kalvarju fejn Ġesù, iben Marija, ġie msallab għalina u għal dnubietna. Minn fuq dik l-għolja Marija ssir l-omm tagħna, l-omm ta’ kull wieħed u waħda minna. Fina hija ssib ukoll il-fedeltà tad-dixxiplu l-maħbub. Fina ssib l-ulied li qed ifittxu omm li tħarishom, imma hi wkoll tfittex fina wlied li nagħtuha ġieħ u fuq kollox nobdu l-aħħar kelmiet tagħha fl-Evanġelju “agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 1, 5)   

    Aħna l-Insara għandna bżonn iżjed mill-bieraħ u iżjed minn qatt qabel, nirriflettu jekk aħniex dixxipli tal-Mulej.

    Id-dixxiplu l-maħbub ħa lil Marija għandu, u b’xi mod, kull min jilbes il-libsa tal-ġmiel tal-Karmelu, li hija libsa ta’ virtù, ta’ mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, jieħu lil Marija għandu. Għaliex? Għaliex il-Madonna tal-Karmnu – dan huwa t-tieni element li nsibu fix-xbieha tagħha – dejjem iġġorr fi ħdanha lil Ġesù Bambin. Jekk aħna rridu nkunu tassew devoti tagħha, u l-preżenza tagħna hawnhekk hija xhieda ta’ dan, irridu nqisu li fil-qalb tagħna jrid ikun hemm sultan wieħed: Ġesù. Il-Madonna tippreżentahulna bħala l-kelma tal-ħajja, il-kelma ta’ Alla.

    Aħna l-Insara għandna bżonn iżjed mill-bieraħ u iżjed minn qatt qabel, nirriflettu jekk aħniex dixxipli tal-Mulej. Bravi biex nagħmlu l-festi, bravi biex niċċelebraw il-kultura Nisranija u Kattolika tagħna, imma domanda li rridu nagħmlu llum hija: aħna dixxipli tal-Mulej? Tgħiduli xi tfisser? Jiena nieħu l-kelma ta’ Ġesù tant bis-serjetà li ngħixha, li l-kelma ta’ Ġesù mhix kelma ta’ ħaddieħor jew daqs ta’ ħaddieħor, imma hija l-kelma ta’ Ġesù. U l-Madonna, li obdiet meta l-anġlu qalilha biex tkun il-qaddejja tal-Mulej u qaltlu “jkun minni skont kelmtek” (Lk 1, 38), tgħallimna mhux biss biex nobdu imma wkoll biex nobdu bil-ferħ u bil-qalb.  

    Jiena se nagħlaq billi nistedinkom biex nitolbu flimkien is-sekwenza tal-Karmnu biex ukoll nagħtuha qima lill-omm tagħna.

    Fjur tal-Karmelu,

    dielja bil-frott mgħobbija,

    dija tas-sema,

    xebba li waħdanija ġieħ omm tiftaħar.

    Omm l-aktar ħelwa li ġmielek qatt ma ttabba’

    lill-Karmelitani hena uri u mħabba,

    kewkba tal-baħar.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Carl Farrugia