L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Meta nisimgħu dal-kliem ta’ Ġesù faċli nqarrsu wiċċna. Qed nisimgħuh jgħidilna: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom” (Lq  6:27). Din mhix il-loġika tad-dinja, mhuwiex il-mod kif jirraġuna l-bniedem speċjalment meta jkun irrabjat jew vittma ta’ xi inġustizzja. L-ewwel reazzjoni tagħna tkun li npattihielu anke jekk jgħaddi ż-żmien, inżommha fil-komma. Mhux hekk nirraġunaw?

L-ewwel ħaġa li Ġesù jagħmel biex jipprova jipperswadina kemm dan il-parir tiegħu ġej minn għerf kbir, jgħallimna li dan hu l-ewwel nett tal-ikbar ġid għalina u li hi espressjoni kbira tal-imħabba li aħna, bla ma rridu, għandna għalina nfusna.

“Kif tridu lill-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom” (Lq 6:31). Għax aħna, iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed u iżjed se tirfes xi kallu jew tnejn ta’ ħaddieħor. Xi żball se tagħmel ukoll għax ħadd mhu perfett. U inti fis-skiet ta’ qalbek, meta tgħaxxaqha, tkun trid min jagħdrek, min jifhmek, u min jaħfirlek. Ħadd ma jkun irid jaħseb li hemm xi ħadd għandu xi ħaġa fil-komma għalih. Jekk nixtiequ ’l ħaddieħor jagħdirna, jaħfrilna, u jinsa xi biċċa kbira li nkunu għaxxaqna, il-Mulej qed jgħidilna: ieqaf ftit, oħti, ħija, mhux ta’ min tagħmel hekk ukoll ma’ ħaddieħor?

Imma Ġesù ma jiqafx hemm. Anke għax jixtieq jgħallimna li l-ħarsa tagħna tkun il-ħarsa tal-Missier tas-sema fuq kull wieħed u waħda minna. Jiena għandi l-privileġġ li meta niltaqa’ mal-poplu tagħna niltaqa’ wkoll ma’ ħafna ommijiet u missirijiet. Iżjed ma naqra l-Evanġelju iżjed nifhem li biex tidħol fil-qalba tal-Evanġelju trid tidħol fil-moħħ u l-qalb tal-omm u tal-missier. Għax l-omm u l-missier, għamel x’għamel it-tifel jew għamlet x’għamlet it-tifla, meta mbagħad tgħaddi d-dagħdigħa tar-rabja u tal-umiljazzjoni, jgħidu: imma dak ibni, imma dik binti. Forsi ma naċċettawhiex mill-ewwel jew ma nammettuhiex mal-ġirien jew ma’ xi ħadd li jkun ġie jgħawwina, imma fil-fond tal-qalb tal-omm taf li hi omm, u l-missier jaf li hu missier.

Jekk nixtiequ ’l ħaddieħor jagħdirna, jaħfrilna, u jinsa xi biċċa kbira li nkunu għaxxaqna, il-Mulej qed jgħidilna: ieqaf ftit, oħti, ħija, mhux ta’ min tagħmel hekk ukoll ma’ ħaddieħor?

Il-Mulej qed jgħallimna li l-ħarsa tagħna lejn xulxin tkun dik ta’ ħniena. Għalhekk jgħid: “Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36). Għax dan hu t-titlu għall-qalb Ġesù meta jitkellem fuq Alla. Mhux hekk għallimna nitolbu meta qalulu għallimna nitolbu? “Itolbu hekk, Missierna, li inti fis-smewwiet” (Mt 6:9). Fl-Evanġelju tista’ tgħid li hu Ġesù li jgħarrafna il-qalb tal-Missier għal kull wieħed u waħda minna. Hu qed jgħallimna wkoll li bejnietna jrid ikollna dik il-ħarsa tal-omm u tal-missier meta tgħaddi d-dagħdigħa u meta tgħaddi r-rabja.

“Tiġġudikawx u ma tkunux iġġudikati” (Lq 6:37). Hawnhekk qed jerġa’ jgħallimna li m’għandux nieħu għalija jekk in-nies se jkejlu bl-istess mod li nkejjel jien. “Tikkundannawx biex ma tkunux ikkundannati” (Lq 6:37). Mhux biss min-nies imma hemm xi ħadd li se jiġġudikani fil-verità, li se jikkundannani jekk jistħoqqli fil-verità. Donnu qed jgħidli: se toqgħod tfittex ma’ ħuk meta inti miegħi għandek kont minn hawn sal-fliegu? Imbagħad, b’wiċċna minn quddiem, lill-Mulej inkunu nistgħu ngħidulu: naf li għandek x’taħfirli ta, imma ppruvajt  nagħmel ma’ ħaddieħor kif nixtieqek li tagħmel miegħi, Sinjur. U dan l-argument il-Mulej jifhmu u jiftakru. Għaliex? Għax hu fit-talba li għallimna, għallimna wkoll ngħidu: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Lq 11:3).

Kif tħobbu lill-għadu tiegħek? Billi taħfirlu.

Għaliex intgħażel l-ewwel qari tal-lum? David, li kellu l-opportunità joqtol lill-għadu tiegħu Sawl li kien ifittxu għall-mewt, jagħti sinjal lil Sawl: “Il-Mulej telqek f’idejja llum, imma jien ma ridtx immidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej” (1 Sam 26:23). Għalkemm David kien midneb bħalna u għaxxaqha wkoll għal darba darbtejn, iżda l-Mulej ftakar fil-ħniena li wera. Anzi, is-salm li smajna llum jgħid li ftakar f’David u fil-ħniena li wera. U l-Mulej hekk se jagħmel magħna: “Aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom” (Lq 6:37-38). Meta? Kif? Mhux biss min-nies imma minn Alla li jaf u jara u jagħraf. Imma tant iħobb li qed jgħinna biex meta nidhru quddiemu mhux se jkollna jdejna mimlijin bil-flus li għandna għax il-kefen m’għandux bwiet u ma nieħdu xejn magħna.

Imma quddiem Alla jdejna jkunu mimlijin bl-imħabbiet tagħna u bil-maħfra li hi espressjoni qawwija tal-imħabba. Kif tħobbu lill-għadu tiegħek? Billi taħfirlu. Min jaf kemm-il darba nkun qed nitkellem ma’ xi ħadd u nistaqsih li jekk jara lill-għadu tiegħu jħossu ħażin fit-triq, jobżoqlu? Le, tgħinu. Dik hi r-risposta. M’hemmx għalfejn tagħmel inkwatru tiegħu fis-salott u tixgħellu xemgħa, imma jekk rajt lil xi ħadd fil-bżonn ta’ għajnuna, għamillek x’għamillek, il-qalb tiegħek x’se tkun tal-ġebel jew tal-laħam?

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Sam 26:2,7-9,12-13,22-23
Salm: 102 (103):1-2,3-4,8,10,12-13
Qari II: 1 Kor 15:45-49
L-Evanġelju: Lq 6:27-38