Nhar il-Ħadd, 15 ta’ Marzu, 2010, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. iċċelebra Quddiesa fil-Konkattidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni tal-Konvenzjoni tal-Emigranti. Wara l-Arċisqof attenda għall-ftuħ tal-‘Convention Exchange’ fejn għamel indirizz lil dawk preżenti:

Insellmilkom u f’isem il-Knisja li tinsab f’Malta u Għawdex nixtieq nagħtikom il-merħba f’dawn il-gżejjer. Il-preżenza tagħna, li bqajna ngħixu l-missjoni tagħna f’Malta, u tagħkom li għextu l-missjoni tagħkom f’pajjiżi oħra twessagħlna l-orizzonti tar-realta’ ta’ x’jiġifieri tkun ‘Malti’.

Il-fatt li ġejtu hawn illum ifisser li ġibtu hawn l-istorja kollha tagħkom. L-istorja ta’ kull wieħed minna hija magħmula minn numri kbar ta’ esperjenzi li b’mod jew ieħor għenuna biex inkunu dak li kull wieħed minna hu illum. Ġibtu magħkom memorji, memorji sbieħ tagħkom ta’ suċċess: il-fatt li qegħdin hawn huwa prova ta’ din. Iżda memorji ukoll ta’ tbatija li huma wkoll ifakkruna li t-triq  tal-bniedem tgħaddi wkoll minn esperjenzi tqal li jistgħu jsaħħuk anki jekk b’mod differenti.

Iżda l-preżenza tagħkom ma ġġibx biss il-memorji tagħkom li tinsbu hawn u tal-familji tagħkom. Intkom ġibtu ukoll il-memorji ta’ dawk kollha li minkejja t-tbatijiet li għaddew minnhom m’għandhomx storja ta’ suċċess x’jirrakontaw. Aħna illum lilhom ukoll qegħdin infakkru.

L-istorja tal-emigrazzjoni minn Malta hija għal ħafna storja ta’ suċċess, iżda ġewwa nofsha għandha wkoll stejjer ta’ tbatija. Ma nistgħux ma niftakrux ukoll f’episodji ta’ tbatija. Ma nistax ma ningħaqadx mal-istqarrija tal-Prima Ministru ta’ Malta, appoġġjat minn stqarrija tal-Kap tal-oppożizzjoni nhar l-Erbgħa li għaddew fil-Parlament u nuri s-sogħba ukoll tal-Knisja Kattolika għat-tbatija li xi tfal minn Malta sofrew meta ttieħdu f’pajjiżi oħra, l-iktar fl-Awstralja. Għalkemm l-intenzjonijiet kienu tajbin, it-twettiq tagħha ma kienx kif kien mixtriq u għalhekk irriżulta fi tbatija għal xi wħud minnhom.

Il-fatt li intom ġejtu hawn għal din il-konvenzjoni nifhem ukoll li dawk li se jieħdu sehem għandhom żewġ għanijiet importanti li mhumiex biss memorji iżda li qegħdin iħarsu lejn il-ġejieni.

L-ewwel għan naħseb li hu tħarsu lilhinn mill-pajjiż li intom emigrajtu fih u ma tingħalqux biss fil-komunita’ Maltija li tinsab f’dak il-pajjiż. Jiena nimmaġina li din il-Konvenzjoni kellha l-għeruq tagħha meta l-ewwel Maltin li emigraw ma nqatgħux għal rashom, iżda bdew ifittxu u jiltaqgħu ma’ dawk il-Maltin fl-istess post. Kien dan l-ispirtu li jiltaqgħu ma’ Maltin oħrajn li mbagħad żviluppa iktar. Mingħajru ma konniex inkunu hawn illum. Ftit ftit kienu l-Maltin li kienu jgħixu fl-istess pajjiż li bdew ifittxu lil xulxin biex jitkellmu iktar bejniethom f’Assoċjazzjonijiet nazzjonali. Sabu identita’ ġdida: “Aħna Maltin tal-Awstralja, Aħna Maltin tal-Canada”. Kienet diġa’ kisba kbira għax bdew jiġu ffurmati l-ewwel Assoċjazzjonijiet nazzjonali fil-pajjiżi differenti. Skoprew dimensjoni oħra li toħroġ mill-oriġni tagħna lkoll, tinsab fejn tinsab. Aħna lkoll ħriġna mill-istess għeruq Maltin. U ġejtu hawn biex tirriflettu flimkien, u bl-istess spirtu tal-bidu, kif din l-oriġni komuni tista’ tiżviluppa iktar fil-proġetti fejjieda.

Intom ġejtu hawn ukoll għax temmnu li minn din l-identita’ ġdida jistgħu joħorġu possibilitajiet kbar, u ġejtu biex tkunu tistgħu taħsbu fuqhom, tikkunsidrawhom u taħdmu fuqhom. Ġejtu hawn biex taraw liema possibbiltajiet jistgħu joħorġu għall-ġid ta’ pajjiżna u tal-emigranti fil-pajjiżi differenti, x’qawwiet ġodda jingħatawlna mill-fatt li llum ninsabu fid-dinja kolha, fergħat ta’ dan in-nazzjon tagħna. Dan li intom se tfittxu f’din il-konvenzjoni. Dak li kien dgħufija meta emigrajtu, issir sar qawwa għal pajjiżna.

F’din id-dinja li qegħdin fiha, bil-possibiltajiet aħjar ta’ komunikazzjoni kemm permezz tat-teknoloġija iżda wkoll tal-ivvjaġġgar iktar faċli li jagħmlu dawn il-laqgħat iktar possibbli. F’dan il-mument irridu niftakru fi żminijiet oħra meta kienu jgħaddu ġimgħat ta’ vvjaġġar bil-vapur qabel ma kienu jaslu fid-destinazzjoni: dan kien jagħmilha aktar diffiċli li jwettqu l-ħolm tagħhom li jerġgħu jiġu jaraw l-għeżież li kienu ħallew warajhom. Dan ifakkarna ukoll meta kienu jistennew ġimgħat jekk mhux xhur qabel ma jkollhom aħbarijiet ta’ min emigra għal pajjiżi oħra. Min jaf il-possibiltajiet ġodda li għad joħorġu minn din il-konvenzjoni għat-tisħiħ ta’ din ir-rabta bejnietna.

Il-Knisja f’Malta kienet minn ta’ quddiem filli taqdi l-missjoni tagħha anki fost l-emigranti Maltin. Il-Kummissjoni Emigranti tal-Knisja kienet ta’ għajnuna kbira, u mhux biss ta’ natura reliġjuża, lejn il-ħtiġijiet kollha tal-persuni li emigraw. Mons Philip Callejja u dawk li kienu l-kollaboraturi tiegħu kienu messaġġiera tal-preokkupazzjoni tal-Knisja lejn dawn l-aħwa. Il-Mużew tal-Emigrazzjoni li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li twaqqaf se tkun xhieda viżibbli ta’ dan kollu.

Dan il-Mużew se jkollu importanza kbira fil-waqt li l-esperjenza tal-emigrazzjoni f’Malta nbidlet. Illum qegħdin f’fażi meta diversi emigranti qegħdin jirritornaw lejn Malta. Illum ukoll ħafna żgħażagħ Maltin qegħdin ifittxu pajjiżi qrib tagħna, l-aktar fl-Ewropa, biex ifittxu ġejjieni aħjar: fi Brussell, fil-Lussemburgu eċċ.

Il-ferħ tal-Knisja llum hija li l-Kummissjoni Emigranti, illum immexxija mid-Delegat tiegħi Fr Alfred Vella, ma llimtatx ruħha għal emigrazzjoni li tifisser li xi ħadd mill-pajjiż tagħna telaq għal pajjiż ieħor u allura għandu bżonn għajnuna, iżda anki fl-immigrazzjoni li jfisser li persuni li mhux ‘Maltin’, li ma nafuhomx, qed jiġu f’pajjiżna. Hija mhux qed tidentifika ruħha biss fl-identita’ Maltija tal-persuni – il-Maltin – iżda twessgħet għall-fatt stess tal-migrazzjoni u t-tbatija u l-ħtiġijiet li ġġib magħha, ikun min ikun involut. Hija wessgħet id-definizzjoni minn ‘Emigrazzjoni’ u ċċentratha fuq ‘Migrazzjoni’ li kważi dejjem tinvolvi tbatija u bżonn ta’ għajnuna. It-tifkira tal-passat tagħkom jiftaħkom lejn l-istess tbatjiiet li qegħdin għaddejjin minnhom dawn il-migranti, dawk li qegħdin ifittxu l-asil illum.

Din hija sfida għalina lkoll fid-dawl anki tal-universalita’ tal-imħabba ta’ Alla l-Missier li hija mogħtija lil kull bniedem. Dan il-ħsieb jgħinna nibnu patrijottiżmu li mhux magħluq fih innifsu iżda li l-imħabba lejn il-pajjiż tagħna tiftaħna lejn it-tbatijiet tal-oħrajn, fejn il-patrijottiżmu ma jfixkilx li tara f’kull persuna xbieha ta’ Alla jew bin, bint Alla.

Min jaf kieku din il-konvenzjoni, li qiegħda tfakkar l-emigrazzjoni, waqt li tfakkar it-tbatijiet ta’ dak iż-żmien, tidħol ukoll bl-għajnuna lil dawk li issa qegħdin f’Malta u li qegħdin għaddejjin mill-istess esperjenza.

Jien nħossni ‘Isqof’ tal-Maltin li qegħdin jgħixu Malta, iżda wkoll tagħkom, ta’ dawk li jgħixu barra minn Malta: tal-ewwel b’ħidma pastorali diretta u speċifika, tat-tieni bi spirtu ta’ komunjoni u ta’ għaqda magħkom. Dan iwassalni biex nesprimi x-xewqa li nara l-Maltin anki fil-post fejn qegħdin jgħixu.

Sentejn ilu, jien mort l-Awstralja u hemmhekk l-għaqda tagħna ssaħħet, Rajt is-sehem kbr li qegħdin jagħtu L-Maltin mill-gżejjer tagħna. Dak li rajt hemmhekk urieni aħjar ir-realta’ kollha tal-emigrazzjoni. Wieħed imur biex isib ġejjieni aħjar, u jkollu l-bżonn tal-pajjiż li qiegħed jilqgħu. Mingħajr ma jitlef l-identita’ tal-oriġni tiegħu, hu bil-mod jibda jintegra ruħu fis-soċjeta’ li tkun laqgħetu, sakemm jibda jagħti l-kotribut għall-iżvillupp tas-soċjeta’ li jkun qed jgħix fiha. L-emigrazzjoni mhijiex ta’ ġid biss għall-emigrant, iżda fl-aħħar mill-aħħar, issir ta’ ġid anki għas-soċjeta li tkun laqgħat l-immigranti.

Dan ġara wkoll fl-isfera reliġjuża. L-ewwel Maltin li emigraw, biex nieħu eżempju li rajt b’għajnejja, bnew l-ewwel kappella ġewwa Mackay, u f’postijiet oħra fittxew li jiltaqgħu bħala komunita’ Nisranija Maltija. Gradwalment bdew jintegraw ruħhom fil-Knisja tal-post, u llum, xhieda tal-Isqfijiet li ltqajt magħhom fl-Awstralja, huma qegħdin jagħtu sehem qawwi  fil-ħajja tal-Knisja Kattolika fl-Awstralja, għalkemm ħafna minnhom baqgħu jinteressaw lilhom infushom fil-Knisja Kattolka li tinsab f’Malta.

Min jaf, kieku b’mod parallel fil-Konvenzjoni li jimiss, tkun organizzata ukoll Laqgħa li ġġib qsim ta’ esperjenzi fil-qasam, ta’ l-impenn tal-emigranti tad-diversi pajjiżi fil-Knejjes tal-post?

Jien nittama li din is-sena immur inżur l-aħwa Maltin li jinsabu fil-Kanada u f’xi partijiet tal-Istat Uniti. Se nżur ukoll il-Komuita’ Maltija li tinsab ġewwa r-Renju Unit billi nieħu sehem fiċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Jum Nazzjoniali ġewwa Londra.

Mill-ġdid nerġa nawgura’ u nitlob li minn dan il-Konvenzjoni joħroġ ħafna ġid.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.