L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa!” Dan kien il-kumment li għamlu n-nies li kienu ħdejn Ġesù dakinhar li hu daħal is-sinagoga u qagħad jgħallem hemm. Mill-ewwel impressjonahom. Kif semgħuh jgħallem, l-Evanġelju jgħid li baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax  kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, mhux bħall-kittieba. Imma aktar u aktar stagħġbu meta, kif naqraw fit-tieni parti tar-rakkont, Ġesù ħeles lil dak ir-raġel mill-ispirtu ħażin, u tah lura l-ħajja tiegħu libera. Jekk stagħġbu meta semgħuh, aktar stagħġbu meta raw dan. U l-kumment tagħhom kien: “X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa!” Baqgħu mistagħġba bl-awtorità ta’ Ġesù.

Nixtieq li naħsbu llum x’tgħidilna l-kelma għall-ħajja tagħna, speċjalment meta niftakru li l-kelma ta’ Ġesù hi kelma ta’ awtorità, li lilna tagħmilna ħielsa.

Kelma ta’ awtorità

In-nies għarfu li dak li kien qed jgħid Ġesù ma kienx qed jgħidu biss għax kien intelliġenti u għaref, imma għax kien tagħlim mogħti b’awtorità. Minn fejn kienet ġejja din l-awtorità? Ma kinitx għax Ġesù kien jgħajjat jew iwerżaq, jew jimponi fuq ħaddieħor bil-kliem tiegħu, jew kien aggressiv. Ma kinitx għax il-kelma tiegħu kienet popolari – kien hemm żmien meta n-nies kienu jimxu warajh u kien hemm żmien meta ma baqgħux, imma l-awtorità tiegħu ma kinitx ġejja mill-popolarità, mill-fatt li lil ħafna nies kienet togħġobhom il-kelma tiegħu. L-awtorità tiegħu kienet ġejja mill-fatt li l-kelma tiegħu kienet il-Kelma ta’ Alla. Minn hemm ġejja l-awtorità.

Dan hu t-tagħlim “mogħti bis-setgħa”. Mhuwiex għaliex hu tagħlim popolari, jew li tisimgħu b’għajta, imma għax hu tagħlim ġej minn Alla. Dan hu messaġġ importanti għalina llum: li aħna nagħrfu t-tagħlim ta’ Ġesù bħala tagħlim mogħti bis-setgħa. Dan ifisser li rridu nagħmlu l-isforz f’ħajjitna li niddistingwu dak it-tagħlim li hu b’awtorità, u affarijiet oħra li nisimgħu li huma kultant xejriet ta’ żmien – illum ħaġa u għada oħra – imma li hu tagħlim li jista’ jiżvijana.

Ġesù, bil-kelma tiegħu, ħeles lill-bniedem. Il-kelma tiegħu kellha dik il-qawwa li lill-bniedem tagħtih ħajja ġdida, ħajja libera.

Illum hemm din it-tendenza, din il-mentalità, anke fuq l-affarijiet l-iktar bażiċi u importanti fil-ħajja, li kulħadd skont kif jaħsibha: int taħsibha hekk, int taħsibha mod ieħor; int għandek raġun, u int għandek raġun ukoll. Kollox qisu relattiv. Imma fil-ħajja mhux hekk. Jekk hija din it-triq it-tajba, mhijiex l-oħra li tieħu band’oħra. Għalhekk is-sejħa li jagħmlilna llum Ġesù hu biex aħna t-tagħlim tiegħu nqisuh tassew bħala t-tagħlim mogħti b’awtorità, u jkun għalina t-tagħlim li jmexxina fit-triq it-tajba.

Kelma ta’ ħelsien mill-ispirti ħżiena

Imbagħad hemm ħaġ’oħra li tolqtok f’dar-rakkont. Il-kelma ta’ Ġesù mhix kelma li lin-nies tħallihom biss mistagħġba, imma hi kelma li lill-bniedem tagħmlu ħieles. Fis-sinagoga, waqt li kien qed jitkellem Ġesù, kellu interruzzjoni kerha. Kien hemm wieħed qabad jgħajjat, wieħed bi spirtu ħażin. U Ġesù, bil-kelma tiegħu, ħeles lill-bniedem. Il-kelma tiegħu kellha dik il-qawwa li lill-bniedem tagħtih ħajja ġdida, ħajja libera.

Xi jfisser dan għalina llum? X’inhu dan l-ispirtu ħażin? Meta nisimgħu dan ir-rakkont, f’moħħna mill-ewwel jiġu l-każijiet ta’ eżorċiżmu: xi ħadd possedut mix-xitan u bl-eżorċiżmu jinħeles mix-xitan. Huma każijiet serji, serji ħafna. Imma dawn huma rari. Ix-xitan l-aktar li jaħdem mhux hekk. Kif turina l-Kelma ta’ Alla, l-iktar li jaħdem ix-xitan hu bl-ingann, billi jidħaq bik; minn taħt, mhux fejn jidher l-aktar.

Jaħdem l-aktar billi jiżra’ fina sentimenti ħżiena li mbagħad imexxuna. Frott tax-xitan huma l-mibegħda, l-għira, il-vendikazzjoni jew vendetta minn ħaddieħor, l-egoiżmu, il-vjolenza, u vjolenza kultant fl-istess kliem tagħna. Hu dak kollu li fil-qalb tagħna jġib it-taħsir, imbagħad dak li nagħmlu jkun frott it-taħsir. Dawn huma l-ispirti ħżiena l-iktar komuni li x-xitan jiżra’ fina.

L-agħar ħaġa li tiġri hi meta nieħdu dawn bħala stil tal-ħajja tagħna. Biex insemmi eżempji, jolqotni dak li kultant tara fuq is-social media fi clips żgħar, qosra. Illum kulħadd attur u diversi jipprovaw jagħmlu xi ħaġa biex jimpressjonaw lin-nies. Imma li timpressjonaham bid-dagħa, bil-kliem vulgari, bl-aktar affarijiet baxxi, u timmaġina li qed tagħmel opra, li għamilt xi ħaġa kbira, hi tassew tal-mistħija. U meta din issir stil ta’ ħajja, verament tal-mistħija. Dawn huma l-ispirti ħżiena. Ġesu għandu l-qawwa li jeħlisna minn dak li hu ħażin biex fina jiżra’ dak li hu tajjeb: l-imħabba, il-maħfra, l-onestà, is-sinċerità, ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità tal-oħrajn – dak kollu li jiżra’ fina Ġesu u li jgħinna neħilsu minn dak li hu ta’ taħsir fil-ħajja tagħna.

Ma nwebbsux qalbna

Ejjew nitolbuh biex aħna niftħu qalbna għall-kelma tiegħu, kif smajna fis-Salm: “Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! La twebbsux qalbkom …” Nitolbuh biex aħna qatt ma nwebbsu qalbna għall-kelma tiegħu, imma tkun il-kelma tiegħu li tmexxina għax hi l-kelma tassew ta’ awtorità u hi l-kelma li lilna f’ħajjitna żżommna ħielsa.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju