L-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Atti 10, 34a.37-43
Salm: 117 (118), 1-2.16ab-17. 22-23
It-Tieni Qari: Kol 3, 1-4 jew 1 Kor 5, 6b-8

L-Evanġelju: Ġw 20, 1-9
Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih.

Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

Jew Mt 28, 1-10
Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. U ara, inħasset theżhiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; ilbiesu abjad bħas-silġ. Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin. Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. Mhuwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu: “Qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk”. Araw, għedthulkom”.

Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. U ara, iltaqa’ magħhom Ġesù u qalilhom: “Is-sliem għalikom”. Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk”.