It-Tielet Ħadd tal-Avvent
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Iż 61, 1-2a.10-11
Salm: Lq 1,46-48.49-50.53-54
It-Tieni Qari: 1 Tess 5, 16-24

L-Evanġelju: Ġw 1, 6-8.19-28

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.

Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.

Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma”, weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”. Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.