Il-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu – Solennità
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Dewt 8, 2-3.14b-16a
Salm: 146 (147), 12-13.14-15.19-20
It-Tieni Qari: 1 Kor 10, 16-17

L-Evanġelju: Ġw 6, 51-58

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”. Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.

Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.