• San Mattew 22:34-40 

    F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”. 

    Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”.

    Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti”.