• San Mattew 16:21-27 

    F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.

    Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”.

    Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.

    Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.

    Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien mal-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel”.