It-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Għerf 6, 12-16
Salm: 62 (63), 2.3-4.5-6.7-8
It-Tieni Qari: 1 Tes 4, 13-18

L-Evanġelju: Mt 25, 1-13

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.

Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx”. Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa”.