• San Ġwann 17:1-11A
     Wara li qal dan, Ġesù rafa’ għajnejh lejn is-sema u qal:
    “Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek, 
    bħalma int tajtu s-setgħa fuq kull bniedem biex jagħti l-ħajja ta’ dejjem
    lil dawk kollha li inti fdajtlu.  Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek,
    Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt. 
    Jien igglorifikajt lilek fuq l-art billi temmejt ix-xogħol li tajtni nagħmel. 
    U issa, Missier, igglorifika lili għandek,
    bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja. 
    “Jiena għarraft ismek lill-bnedmin li inti tajtni mid-dinja.
    Kienu tiegħek, u inti tajthom lili, u huma ħarsu kelmtek. 
     Issa jafu li dak kollu li tajtni ġej minnek
    għaliex il-kliem li int tajt lili jiena tajtu lilhom,
    u huma laqgħuh u għarfu tabilħaqq li jiena ħriġt minnek,
    u emmnu li inti bgħattni. Jiena għalihom nitlob; ma nitlobx għad-dinja,
    imma għal dawk li inti tajtni, għaliex huma tiegħek, 
    u dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek, u dak li hu tiegħek huwa tiegħi,
    u jien igglorifikat permezz tagħhom
    U jien ma għadnix aktar fid-dinja, iżda huma għadhom fid-dinja,
    u jiena ġej għandek. Missier qaddis, ħarishom
    f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna.
    Qaddis tal-jum: Santa Solange