Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: 1 Tim 1, 15-17
Salm: 112 (113), 1-2.3-4.5a u 6-7

L-Evanġelju: Lq 6, 43-49

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm. Għaliex issejħuli: “Mulej, Mulej!” u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien? Kull min jiġi għandi u jisma’ kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min jixbah. Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqu qiegħed is-sisien. Imbagħad għamlet xita bil-qliel, il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax jheżżiżha, għax kienet mibnija tajjeb.

Iżda min jisma’ kliemi u ma jagħmilx li ngħid jien, jixbah lil wieħed li jkun bena daru fuq l-art mingħajr ma qiegħed sisien. Il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuqha u minnufih iġġarrfet, u saret ħerba kbira minn dik id-dar!”