• Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: Ġen 46, 1-7. 28-30
    Salm: 36 (37), 3-4.18-19.27-28.39-40

    L-Evanġelju: Mt 10, 16-23

  • F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “Ara, jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem. Oqogħdu attenti mill-bnedmin! Għax għad jerħukom f’idejn il-qrati, jagħtukom is-swat fis-sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-pagani.

    Iżda meta jerħukom f’idejhom, tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x’se tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu. Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom.

    L-aħwa jwasslu lil xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt. U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva.

    Jekk jippersegwitawkom f’belt, aħarbu f’oħra. Tassew ngħidilkom, ma tkunux dortu l-bliet kollha ta’ Iżrael sa ma jiġi Bin il-bniedem”.