Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Num 24, 2-7.15-17a
Salm: 24 (25), 4bċ-5ab.6-7bċ.8-9

L-Evanġelju: Mt 21, 23-27

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal fit-tempju, u, waqt li kien qiegħed jgħallem, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu u qalulu: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-setgħa?”.

U Ġesù qalilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien ukoll: jekk tweġbuni għaliha, jien ukoll ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja, mis-sema jew mill-bnedmin?”.

Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk inweġbuh: “Mis-sema”, jgħidilna: “Mela għaliex ma emmintux?”. U jekk ngħidulu: “Mill-bnedmin”, nibżgħu min-nies, għax lil Ġwanni kulħadd iżommu bi profeta”. Imbagħad wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux”. U hu qalilhom: “Mela anqas jiena ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan”.

Qaddis tal-jum: San Ġwann tas-Salib, Presbiteru u Duttur tal-Knisja