• Is-Solennità ta’ Pentekoste – Sena Ċ

  • Atti tal-Appostli 2:1-11

    Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skond ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.
    F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, nġabret kotra kbira, lkoll imħawwdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu: Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu m’humiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!” U lkoll, mitlufa bl-għaġeb, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Dan xi jkun?” Oħrajn bdew jiddieħku u jgħidu: “Dawn xorbu l-inbid ġdid!”
  • Salm 104(103):1ab.24ac.29bc-30.31.34

    Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!
    Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
    Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
    Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
    jekk teħdilhom nifishom, imutu,
    u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
    Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
    u inti ġġedded il-wiċċ ta’ l-art. 
    Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
    Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
    Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
    għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.
     

    Ittra lir-Rumani 8:8-17

    Ħuti: Dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma ta’ l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih  l-Ispirtu ta’ Kristu, dan m’huwiex tiegħu. Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa ta’ l-Ispirtu li jgħammar fikom.

     Hekk mela, ħuti, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skond il-ġisem. Għax jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewwtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu. Dawk kollha li jmexxihom  l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajjtu: “Abbà! Missier!” Dan l-Ispirtu jixhed flimkien ma’ l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.
     

    L-Evanġelju

    San Ġwann 14:15-16.23b-26

    “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem. “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu m’hijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. “Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.