San Ġużepp, l-Għarus tal-Verġni Mqaddsa Marija – Solennità
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: 2 Sam 7: 4-5a.12-14a.16
Salm: 88, 2-5.27.29
It-Tieni Qari: Rum 4, 13.16-18.22

L-Evanġelju: Mt 1, 16.18-21.24a (jew jista’ jinqara: Lq 2, 41-51a)

Ġakobb nissel ’il Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejħulu Kristu. It-tnissil ta’ Ġesù Kristu sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u li ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel f’rasu li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.

Wara li qatagħha li jagħmel hekk, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej.