Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Iż 1, 10.16-20
Salm: 49 (50), 8-9.16bċ-17.21 u 23

L-Evanġelju: Mt 23, 1-12

F’dak iż-żmien, Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kulma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom. Kulma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom “Rabbi”.

Imma intom tħallux min isejħilkom “Rabbi”, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd “missierkom” fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejħilkom “mexxejja”, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”.