• San Mattew 21:33-43.45-46

      “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra. Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawwtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess. Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. ‘Minn ibni jistħu,’ qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna.’ Qabduh, xeħtuh ‘il barra mill-għalqa u qatluh.  sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?” Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u  l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu.” Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li
       
      ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja
      saret il-ġebla tax-xewka:
      bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
      ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna’?
       
      Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha. U min jaqa’ fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqa’ tgħaffġu taħtha!” Meta semgħu l-parabboli tiegħu l-qassisin il-kbar u l-Fariżej fehmu li hu kien qiegħed jgħid għalihom. Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, imma beżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżommu bi profeta.
      Qaddis tal-jum: San Porfirju, Isqof