• San Ġwann 4:43-54
    Wara dawk il-jumejn Ġesù telaq minn hemm lejn il-Galilija; għax Ġesù stess xehed li profeta ma għandux ġieħ f’pajjiżu. Mela meta wasal il-Galilija, il-Galilin laqgħuh tajjeb billi lkoll raw kull ma kien għamel f’Ġerusalemm f’jum il-festa, għax huma wkoll kienu marru għall-festa. U raġa’ ġie f’Kana tal-Galilija, fejn kien biddel l-ilma fi nbid. Issa f’Kafarnahum kien hemm uffiċjal tas-sultan u kellu lil ibnu marid. Meta sama’ li  mil-Lhudija Ġesù kien ġie fil-Galilija, mar għandu jitolbu jinżel u jfejjaqlu lil ibnu, għax kien wasal fl-aħħar. U Ġesù qallu: “Jekk ma tarawx sinjali u għeġubijiet ma temmnux!” Qallu l-uffiċjal: “Inżel Mulej, qabel ma jmutli t-tifel!” Qallu Ġesù: “Mur, ibnek ħaj.” Ir-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù u telaq. Huwa u nieżel, iltaqgħu miegħu l-qaddejja tiegħu u qalulu: “Ibnek ħaj.” Hu staqsiehom xħin kien meta beda jaqleb għall-aħjar, u huma qalulu: “Ilbieraħ fis-seba’ siegħa telqu d-deni.” Il-missier intebaħ li dak kien il-ħin meta Ġesù qallu: ‘Ibnek jgħix,’ u emmen hu u l-familja kollha tiegħu. Dan kien sinjal ieħor, it-tieni wieħed, li għamel Ġesù meta ġie l-Galilija mil-Lhudija.

    Qaddis tal-jum: San Ġwann tal-Eġittu