• San Mark 11:27-33
    Mill-ġdid marru Ġerusalemm. Kif kien qiegħed idur fit-tempju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba u x-xjuħ u staqsewh: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmlu dan kollu? U min tahielek din is-setgħa biex tagħmlu?” “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien” qalilhom Ġesù, “weġbuni għaliha, u ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. Il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet ħaġa ġejja mis-sema jew mill-bnedmin? Weġbuni.” Dawk, bejnhom u bejn ruħhom, bdew jirraġunaw u jgħidu: “Jekk inweġbuh, ‘Mis-sema’, jgħidilna, ‘Mela għaliex ma emmintuhx?’ Mela ngħidulu ‘Mill-bnedmin’?” Huma kienu jibżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżomm li Ġwanni kien tabilħaqq profeta. Għalhekk lil Ġesù weġbuh u qalulu: “Ma nafux.” U Ġesù qalilhom: “Mela anqas jien ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan.”
    Qaddis tal-jum: San Ġermanu minn Pariġi, Isqof