• Il-Martirju ta’ San Ġwanni l-Battista
    Qari tal-jum
  • L-Ewwel Qari: Ġer 1: 17-19
    Salm: 70, 1-6.15-17

    L-Evanġelju: Mk 6:17-29

  • F’dak iż-żmien: Erodi bagħat jarresta ’l Ġwanni u qaflu fil-ħabs minħabba f’Erodja, mart ħuħ Filippu, billi kien iżżewwiġha hu. Għax Ġwanni lil Erodi kien jgħidlu: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk.” Għalhekk Erodja saret tobogħdu u kienet trid toqtlu, imma ma kinitx tista’, għax Erodi, li kien jaf x’raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni, kien jibża minnu: u kien iħarsu mill-għawġ, u kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa’ mħasseb ħafna wara li jisimgħu.

    Mela wasal jum tajjeb, meta Erodi għalaq sninu u għamel ikla lill-kbarat tiegħu, lill-fizzjali l-għolja u lill-aqwa nies tal-Galilija. Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: “Itlobni kulma trid, u jien nagħtik kulma titlobni.” U qalilha u ħalfilha: “Titlobni x’titlobni, kollox nagħtik, imqar nofs is-saltna tiegħi.” Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: “Tgħid, x’nitolbu?” “Ras Ġwanni l-Battista,” weġbitha dik. Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: “Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt.”

    Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jerġa’ lura mill-kelma li taha. Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta’ madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs; imbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha. Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b’dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar.